Is-Segretarju Parlamentari għaż-Żgħażagħ, ir-Riċerka, u l-Innovazzjoni, Keith Azzopardi Tanti, ippreseda l-iffirmar ta’ ftehim bejn l-Esplora, Xjenza Malta u The Malta Trust Foundation. Permezz ta’ din is-sħubija ser tissaħħaħ l-esperjenza edukattiva inklużiva u aċċessibbli permezz ta’ sessjonijiet strutturati li se jittellgħu f’kamra multi-sensorjali fl-Esplora.

L-inizjattiva għandha l-għan li tiżgura l-involviment ta’ viżitaturi fuq l-ispektrum tal-awtiżmu u oħrajn b’bżonnijiet speċifiċi. Immexxi minn prattikanti tal-arti kkwalifikati, il-programm jirrifletti approċċ modern lejn l-innovazzjoni, fejn l-enfasi mhijiex biss fuq it-teknoloġija, iżda fuq it-tfassil ta’ servizzi li jippromwovu inklużjoni soċjali. Din il-kollaborazzjoni se sservi bħala mudell ta’ kif l-istituzzjonijiet pubbliċi u s-soċjetà ċivili jistgħu jaħdmu flimkien biex iwasslu dinjità u opportunitajiet indaqs.
Fl-intervent tiegħu, is-Segretarju Parlamentari Keith Azzopardi Tanti sostna li kollaborazzjonijiet bħal dawn joħolqu impatt tanġibbli fuq il-komunità. “Meta l-istituzzjonijiet jikkollaboraw b’dan il-mod, huma joħolqu impatt reali: aċċess aħjar, parteċipazzjoni aktar b’saħħitha, u esperjenzi mtejba għaċ-ċittadini. Permezz ta’ dan il-ftehim se nkomplu nibnu soċjetà aktar ġusta u inklużiva,” enfasizza s-Segretarju Parlamentari.

L-Eċċellenza Tagħha l-President Emeritus Marie-Louise Coleiro Preca, Fundatriċi u Chairperson ta’ The Malta Trust Foundation, laqgħet il-ftehim bħala impenn konkret għal inklużjoni fl-azzjoni. Hija stqarret li, “Permezz ta’ din il-kollaborazzjoni fiċ-Ċentru Interattiv tax-Xjenza Esplora, qed niżguraw li tfal u adulti bi bżonnijiet diversi mhux biss jiġu akkomodati, iżda jingħataw is-setgħa b’mod attiv permezz ta’ esperjenzi speċjalizzati u ta’ kwalità għolja bbażati fuq is-sensi u l-arti. Dan huwa mudell b’saħħtu ta’ kif l-istituzzjonijiet pubbliċi u s-soċjetà ċivili jistgħu jaħdmu flimkien biex iwasslu dinjità, aċċess, u opportunitajiet indaqs fil-prattika.”
Mary Ann Cauchi, Direttur Anzjan tal-Esplora, ikkummentat ukoll dwar l-evoluzzjoni taċ-ċentru, fejn innotat li l-kollaborazzjoni tirrifletti impenn profond biex ix-xjenza u t-tagħlim isiru aċċessibbli għal kulħadd. L-Esplora qed ikompli jikber bħala ċentru għall-edukazzjoni STEAM, u jilħaq komunitajiet diversi b’modi li jħaddnu l-kreattività u l-involviment fil-komunità.
Dan il-proġett huwa parti mill-iżvilupp strateġiku kontinwu tal-Esplora u l-proġetti li jmiss għall-2026. Huwa jissottolinja l-impenn kontinwu tal-Gvern biex iwessa’ l-firxa tal-involviment fix-xjenza, filwaqt li jiżgura li l-faċilitajiet edukattivi nazzjonali jkunu ddisinjati biex iwieġbu għall-bżonnijiet reali taċ-ċittadini kollha.


