Saturday, December 28, 2024

Estiż għal Għawdex il-programm ta’ monitoraġġ fl-għajnejn

Aqra wkoll

F’Dar Padova, Għawdex, ser jibdew isiru testijiet tal-oftalmoloġija għal dawk il-persuni kollha li għandhom bejn is-60 u t-80 sena, bħala parti mill-kampanja nazzjonali ta’ monitoraġġ fl-għajnejn, bl-għan li jinqabdu minn kmieni problemi fil-vista. Dan tħabbar mill-Ministru għall-Anzjanità Attiva, Jo Etienne Abela.

Il-Ministru Abela spjega kif b’kollaborazzjoni bejn l-Anzjanità Attiva u Kura fil-Komunità, San Vinċenz De Paul u speċjalisti mill-Ministeru tas-Saħħa, is-servizz tal-oftalmoloġija ser jingħaqad ma’ bosta servizzi oħra li qed jiġu offruti f’Dar Padova, f’Għajnsielem. Il-programm ta’ screening nazzjonali kien imniedi ftit tax-xhur ilu f’San Vinċenz fejn mill-bidu ta’ dan is-servizz kien hemm ’il fuq minn 300 persuna li għamlet użu minnu u dan is-servizz issa ser ikun disponibbli fil-gżira Għawdxija.

Il-Ministru Abela enfasizza dwar l-importanza li wieħed jagħmel dan l-eżami biex kemm jista’ jkun jinqabdu kmieni problemi li jistgħu jikkawżaw problemi fil-vista. Kompla jgħid li wħud mill-problemi komuni li nsibu fl-għajnejn huma l-kundizzjonijiet tal-Glaucoma (pressjoni fl-għajn), id-dijabete fir-retina kif ukoll il-katarretti.

“Permezz ta’ dan il-programm ser inkunu qed niċċekkjaw l-għajnejn b’mod sistematiku biex inkunu nistgħu neskludu dawn is-sitwazzjonijiet u nilqgħu għal problemi fl-għajnejn minn kmieni,” stqarr il-Ministru Abela. Huwa tenna li l-għan tal-istrateġija għall-Anzjanità Attiva tibqa’ waħda li tnaqqas ir-riskju ta’ kull tip ta’ diżabilità preventibbli fl-anzjan.

“Sodisfatt li permezz ta’ din il-kollaborazzjoni ser jiġi estiż dan il-programm f’Għawdex ħalli nkomplu nżidu l-għarfien u nilqgħu minn kmieni għal problemi fl-għajnejn li jistgħu jwasslu anke li persuna titlef il-vista tagħha,” temm jgħid il-Ministru Jo Etienne Abela.

Dawk il-persuni li f’dawn l-aħħar 18-il xahar ma kellhomx appuntament oftalmologu f’xi klinika tal-gvern huma eliġibbli għal dan is-servizz u ser jiġu notifikati b’appuntament għal screening.

Ekonomija

Sport