Tuesday, May 14, 2024

Il-mewġa tas-sħana tkompli tintensifika

Aqra wkoll

Il-mewġa ta’ sħana estrema qed tkompli tintensifika u tilħaq rekords ġodda tant li l-biċċa l-kbira tal-bliet ewlenin fl-Ewropa, partikularment dawk fl-Italja, jinsabu taħt allert ta’ sħana severa.

It-temperaturi fl-Italja mistennija jilħqu l-ogħla livell, bi 23 belt fuq allert għoli – minn Trieste fil-Grigal sa Messina fil-Lbiċ. It-twissijiet ifissru li s-sħana qed tkun ta’ periklu għal kulħadd u mhux biss għal persuni vulnerabbli.

In-nirien tal-foresti qed jinfirxu wkoll madwar il-Kontinent Ewropew, inkluż fil-Greċja u fl-Alpi Żvizzeri. Miljuni ta’ nies f’dawn ir-reġjuni qed jiġu affettwati minn temperaturi għolja kaġun ta’ dawn in-nirien.

Il-mewġa ta’ sħana ta’ bħalissa qed tiġi kkawżata minn sistema ta’ pressjoni għolja li ġġib arja tropikali aktar sħuna, imwaħħla fuq l-Ewropa ċentrali. It-temperaturi sħan huma mbassra li se jtulu sa nhar l-Erbgħa, fil-biċċa l-kbira tan-Nofsinhar tal-Ewropa, wara diversi jiem ta’ temperaturi li jaqbżu l-40°C.

Partijiet mill-gżejjer Taljani ta’ Sardinja u Sqallija se jerġgħu jkunu l-aktar sħan, bl-ogħla livelli ta’ madwar 46°C jew 47°C. Il-mewġa ta’ sħana, li ħakmet madwar il-pajjiż, ġiet deskritta mill-midja lokali bħala settimana infernale; “ġimgħa tal-infern”. Ħafna mid-djar fil-gżira ta’ Sqallija mhumiex mgħammra biex ikampaw f’temperaturi daqshekk għoljin, fejn għandek bosta familji jgħixu fil-pjan terran, f’appartamenti bi ftit twieqi, u huwa pjuttost komuni li familji kbar jgħixu flimkien fi spazji żgħar.

Żewġ persuni, raġel u mara ta’ 69 sena, instabu mejta fi djarhom f’Palermo nhar it-Tlieta, b’diversi gazzetti lokali jattribwixxu l-mewt tagħhom għas-sħana. Fin-Nofsinhar tal-Italja, li hija ifqar mit-Tramuntana, ħafna ma jaffordjawx arja kondizzjonata, jew saħansitra fannijiet. Kien hemm ukoll qtugħ tad-dawl fil-gżira b’riżultat ta’ domanda kbira għall-arja kundizzjonata.

Il-Ministeru tas-Saħħa Taljan talab lid-dipartimenti tal-emerġenza madwar il-pajjiż biex jattivaw l-hekk imsejħa “kodiċijiet tas-sħana”, u jassenjaw gruppi separati ta’ staff mediku biex jikkuraw nies li jidħlu b’sintomi kkawżati mis-sħana. Miżuri simili daħlu fil-bidu tal-2020, meta l-Italja saret l-epiċentru tal-pandemija tal-Covid fl-Ewropa. Fil-belt ta’ Palermo biss kien hemm żieda ta’ 20% fin-numru ta’ pazjenti li ddaħħlu b’sintomi relatati mas-sħana, fosthom uġigħ ta’ ras, deidrazzjoni u konfużjoni, skont il-Ministeru tas-Saħħa.

It-Twissijiet ta’ sħana severa se jibqgħu fis-seħħ madwar Spanja, il-Greċja u partijiet mill-Balkani. It-temperaturi mistennija jonqsu minn nhar il-Ħamis f’ħafna bliet fl-Ewropa, inkluż fit-Tramuntana tal-Italja fejn se jitneħħew allerti ħomor għal sitt ibliet. Skont il-‘BBC Weather’, it-temperaturi jistgħu jkunu sa għoli ta’ 40°C għal ħafna fiċ-Ċentru u l-Lvant tal-Mediterran sa tmiem il-ġimgħa, u jkomplu fil-ġimgħa d-dieħla li potenzjalment jistgħu joqorbu qrib li jiksru r-rekords.

L-Afrika ta’ Fuq hija wkoll mistennija li tirreġistra 50°C f’xi postijiet. Ix-xjentisti ilhom iwissu li t-tibdil fil-klima se joħloq aktar mewġ tas-sħana u aktar frekwenti, aktar intensi u jdum aktar fit-tul.

L-esperti jgħidu li l-Ewropa, b’mod partikolari, qed tissaħħan aktar malajr milli mbassar. Aktar minn 61,000 persuna kienu stmati li mietu bis-sħana fl-Ewropa s-sena li għaddiet, u hemm biża’ li din is-sena se tkun waħda simili.

Sport