Saturday, December 21, 2024

Estiża l-iskema tas-sussidju fuq il-kera għan-negozji

Claudio Coleiro
Claudio Coleiro
Ġurnalist

Aqra wkoll

Il-Gvern ħabbar l-estensjoni tal-iskema tas-sussidju fuq il-kera għan-negozji żgħar u medji, liema skema kienet imħabbra fil-budget għas-sena d-dieħla u qed tiġi mwettqa fi ftit ġimgħat.

L-iskema kienet oriġinarjament imnedija f’Mejju tal-2020 u sa issa diġà bbenefikaw minnha 16-il negozju jew self-employed bl-ammont ta’ assistenza approvata tkun dik ta’ madwar €400,000. Minħabba l-iżviluppi internazzjonali li seħħew, b’mod partikolari biż-żieda fil-prezzijiet tat-trasport, il-Gvern iddeċieda li jestendi l-attività eleġibbli taħt din l-iskema.

Il-Kap Eżekuttiv tal-Malta Enterprise Kurt Farrugia spjega li l-iskema tgħin intrapriżi li jeħtieġu spazju industrijali biex jibdew attività kummerċjali ġdida, jimplimentaw pjanijiet ta’ tkabbir, jimmaniġġjaw iż-żidiet fl-ordnijiet u proċessi innovattivi biex tiżdied l-effiċjenza.

Dan l-inċentiv huwa disponibbli għal inrapriżi żgħar u medji. L-applikant irid ikun jopera f’wieħed minn dawn l-oqsma: manifattura, manutenzjoni u tiswijiet ta’ vetturi bil-mutur, tiswija ta’ makkinarju u tagħmir u attivitajiet industrijali relatati.

Il-valur tal-assistenza li tista’ tingħata lil intrapriża waħda fuq perjodu ta’ 12-il xahar hi ta’ €25,000. L-għajnuna tista’ tiġi approvata fuq perjodu ta’ tliet snin konsekuttivi, sa massimu ta’ €75,000. L-iskema għandha budget ta’ €2.5 miljun. 

Min-naħa tagħha, il-Ministru għall-Enerġija, l-Intrapriża u l-Iżvilupp Sostenibbli Miriam Dalli qalet li din hi inizjattiva li l-għan ewlieni tagħha huwa li tassisti lin-negozji biex jilqgħu għall-isfidi kummerċjali li qed jiffaċċjaw hekk kif l-ekonomiji madwar id-dinja qed jipprovaw jirpiljaw mill-pandemija.

“Iż-żieda fil-prezzijiet tat-trasport li ħafna negozji qed jaffaċjaw mhix biss problema lokali imma hi problema li qed jaffaċċjaw in-negozji madwar id-dinja. Dan il-Gvern se jibqa’ u baqa’ jżomm l-impenn li nibqgħu nkunu ta’ sostenn lin-negozji u l-industrija u ħaddiema kollha f’dawn iż-żminijiet ta’ sfida. Konxji li din hi sfida ta’ natura internazzjonali però qed taffettwa lin-negozji kollha,” qalet il-Ministru Dalli. 

“Nemmnu li l-intrapriża Maltija hi xprun ewlieni għat-tkabbir ekonimiiku ta’ pajjiżna u għall-iżvilupp tal-ħaddiema tagħna. Dak li qed inħabbru llum hi għodda oħra li tista’ tgħin lin-negozji Maltin biex fl-immedjat jibdew jimmitigaw u jnaqqsu l-ispejjeż tagħhom relatati ma’ kiri ta’ mħażen jew storage facilities.”

Il-Ministru Dalli kompliet tgħid li dan il-Gvern se jkompli jassisti lin-negozji Maltin biex ikabbru l-imħażen tagħhom u jkunu jistgħu jimpurtaw prodotti fi kwantitajiet akbar fl-istess ħin ikunu jistgħu jinnegozjaw prezzijiet aħjar għal dawk il-prodotti. 

L-applikazzjonijiet se jkunu aċċessibbli mill-bidu tas-sena d-dieħla minn fuq is-sit https://clientportal.maltaenerprise.com/login u l-iskema hi miftuħa sal-31 ta’ Diċembru 2022.

“Pajjiżna wieħed mill-ftit pajjiżi fl-Ewropa li żamm il-prezzijiet tal-enerġija stabbli”

Intant, il-Ministru Dalli qalet li sabiex verament inkomplu nsostnu l-ekonomija ta’ pajjiżna, lill-ħaddiema u min iħaddimhom, qed naħdmu kontinwament biex il-konsumaturi ikunu protetti minn żidiet fl-ispejjeż relatati mal-konsum tal-enerġija. 

“Pajjiżna huwa wieħed mill-ftit pajjiżi fl-Ewropa kollha li żamm il-prezzijiet tal-enerġija stabbli waqt waħda mill-agħar kriżijiet fis-swieq internazzjonali tal-enerġija li esperjenzajna.”

Il-Ministru Dalli saħqet li quddiem iż-żieda fil-prezzijiet internazzjonali, dan il-Gvern se jibqa’ spalla ma’ spalla mal-konsumaturi u man-negozji. Enfasizzat li: “wara kollox irridu naraw negozji f’Malta aktar b’saħħithom, moderni u sostenibbli fis-snin li ġejjin. M’aħniex se nħallu dawn l-isfidi jaqtgħulna qalbna. Se nkomplu ngħinu negozji jirriġeneraw rwieħhom biex ikunu aktar kompetittivi fis-snin li ġejjin. Se nkomplu ngħinu lin-negozji biex illum jegħlbu l-isfidi u fuq kollox jjaħtfu l-opportunitajiet ta’ għada.” 

Ekonomija

Sport