Monday, May 20, 2024

Estiża r-rifużjoni fuq il-mediċini tal-IVF

Aqra wkoll

Ġiet estiża r-rifużjoni fuq il-mediċini tal-IVF għall-ġenituri prospettivi li se jagħmlu l-IVF f’Malta kif ukoll ġenitur prospettiv li għamel IUI, IVF jew Embryo transfer f’kliniċi privati sa mill-1 ta’ Jannar 2023. Dan tħabbar mill-Ministru għas-Saħħa u l-Anzjanità Attiva Jo Etienne Abela.

Is-settur tal-Prokreazzjoni Medikament Assistita, magħruf bħala IVF, ilu regolat mill-Awtorità għall-Protezzjoni tal-Embrijun sa mill-2013. Ġie spjegat kif minn dakinhar sal-lum twieldu total ta’ 601 tarbija u fil-preżent hemm ukoll 50 omm li qed jistennew li jwelldu 55 tarbija oħra.

Il-Ministru Abela spjega kif il-gvern konxju mis-sagrifiċċji li jgħaddu minnhom ġenituri prospettivi li jagħmlu l-IVF, u għalhekk sa mill-2015, beda joffri s-servizzi b’xejn mill-Isptar Mater Dei. Dawn is-servizzi komplew jespandu bl-emendi fil-Liġi li daħlu fis-seħħ fl-2018 u l-2022.

Il-Ministru qal li sal-aħħar ta’ Marzu 2024, l-Awtorità tal-Protezzjoni tal-Embrijun (EPA) approvat ’il fuq minn miljun u għoxrin elf ewro (€1,028,543.54), li ġew mgħoddija lura lill-ġenituri prospettivi bħala rifużjoni tal-mediċini li kienu nefqu.

Il-Ministru Abela ħabbar kif wara diskussjoni mar-Regolatur ewlieni, l-EPA, issa din ir-rifużjoni se tiġi estiża ukoll għall-ġenituri prospettivi li se jagħmlu l-IVF ġewwa ċentri liċenzjati u mhux biss f’Mater Dei. Kull ġenitur prospettiv li għamel IUI, IVF jew Embryo transfer ġewwa l-kliniċi privati sa mill-1 ta’ Jannar 2023, se jkunu wkoll intitolati għal din ir-rifużjoni.

Huwa spjega kif b’din ir-rifużjoni se jkunu qed jibbenifikaw total ta’ 285 ġenituri prospettivi li għamlu 56 IUI, 131 embryo transfer, kif ukoll 98 proċedura tal-IVF sa mill-1 ta’ Jannar 2023, fejn il-gvern se jkun qed irodd lura total ta’ madwar mitejn u ħamsin elf ewro. Dawn se jkunu qed jiżdiedu mas-634 ġenituri prospettivi li diġà bbenefikaw mir-rifużjoni tal-mediċini għas-servizzi offruti f’Mater Dei sa mill-1 ta’ Jannar 2022.

“Dan huwa xhieda tal-investiment li qed iwettaq il-Gvern. Kommessi li nkomplu ntejbu s-servizzi tal-IVF u nkunu ta’ għajnuna u sostenn għall-familji Maltin u Għawdxin,” temm jgħid il-Ministru Abela.

Applikazzjonijiet kif ukoll l-irċevuti oriġinali tal-mediċini għandhom jiġu sottomessi għand iċ-ċentri liċenzjati u mibgħuta lil-Awtorità għall-Protezzjoni tal-Embrijun biex tiġi pproċessata r-rifużjoni.

Sport