Monday, April 29, 2024

Proċess biex tinbidel l-infrastruttura tal-anestesija fl-Isptar Mater Dei u fl-Isptar Ġenerali t’Għawdex

… 70 magna tal-anestesija li se jkunu aktar effiċjenti fl-użu tal-enerġija

Claudio Coleiro
Claudio Coleiro
Ġurnalist

Aqra wkoll

Il-Gvern qiegħed jaħdem fuq proċess biex ikun varat tender li permezz tiegħu se tinbidel l-infrastruttura kollha tal-anestesija fl-Isptar Mater Dei u fl-Isptar Ġenerali t’Għawdex.

“Qed nitkellmu dwar 70 magna tal-anestesija li nixtiquhom ikunu aktar effiċjenti fl-użu tal-enerġija u biex kemm jista’ jkun inaqqsu l-effett gravi tal-gassijiet tal-anestesija fuq l-ambjent,” iddikjara l-Ministru għas-Saħħa u l-Anzjanità Attiva Jo Etienne Abela fil-Parlament.

Huwa qal li f’dan il-qasam, il-fatt li l-Gvern mistenni jinvesti f’dan il-makkinarju avvanzat u aktar ‘energy efficient’ fl-istess waqt li jressaqna lejn in-newtralità tal-karbonju, se jkun qiegħed jagħmel differenza kbira.
Il-Ministru Abela qal li lkoll naqblu li f’dan li għandu x’jaqsam mal-indukrar tal-ambjent, il-pajjiżi kollha ma jistgħux jibqgħu għaddejjin bi prattiċi li ilhom jintużaw għal wisq snin. Qal li sfortunatament wasalna f’punt li qegħdin diġà kemmxejn tard wisq hekk kif diġà qed inħossu l-effetti tat-tibdil fil-klima.

Meta kien qed jitkellem dwar is-sostenibilità fis-settur tas-saħħa, huwa ta diversi eżempji ta eżempji ta’ kif dan is-settur qed iħalli impatt, ħafna drabi b’mod negattiv, fuq l-ambjent. Semma d-Dipartiment tal-Emerġenza li għaddej 24 siegħa kuljum, bid-dwal, l-arja kundizzjonata u monitors li jibqgħu għaddejjin il-ħin kollu. Ma’ dawn hemm l-użu tal-ilma u tagħmir ieħor li ma jistax jiġi riċiklat.

F’dan ir-rigward, il-Ministru Abela qal li nistgħu nimmitigaw is-sitwazzjoni fl-Emerġenza billi jissaħħu s-servizzi barra mill-isptar. “Li niżviluppaw il-kura primarja u l-kunċett ta’ kura intermedjarja biex niffrankaw li pazjenti jidħlu fl-isptarijiet ċentrali tagħna dak diġà huwa pass fid-direzzjoni t-tajba.”

Tkellem ukoll dwar il-proċess ta’ diġilitazzazzjoni u saħaq li l-Gvern jinsab kommess u għandu miri ċari biex ma jibqgħux jintużaw il-karti fl-isptarijiet. Tenna li sal-lum stess ħadu indikazzjoni illi r-rekords ġodda bil-karta għal pazjenti li jidħlu fl-Isptar Mater Dei minn wara l-1 ta’ Mejju mhux se jibqgħu jsiru minħabba l-avvanz u t-titjib li sar fis-sistema elettronika (patient dashboard).

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport