Illum u għada fid-9.00 pm, jintlagħbu ż- żewġ semifinali tal-Euro 2022 tan-Nisa liema fażi finali qed tintlagħab fl-Ingilterra.
Filwaqt li llum t-team ospitu jiltaqa’ kontra l-Isvezja, għada l-Ġermanja jaffrontaw lill-Franza.
Fi Bramall Lane l-Ingilterra jibdew favoriti fuq il-karta li jikkwalifikaw għall-finali. Huma kellhom jitħabtu biex għaddew mal-aħħar erbgħa meta għelbu lil Spanja bl-iskor ta’ 2-1 fil-ħin barrani.
Huma kellhom idawru telfa f’rebħa meta sal-84 minuta kollox deher mitmum għalihom hekk kif kienu fi żvantaġġ ta’ goal.
Wara li kisbu punti massimi fil-fażi tal-gruppi meta għelbu lil Awstrija 1-0, lin-Norveġja 8-0 u lill-Irlanda ta’ Fuq 5-0, il-kwarti-finali kienet l-ewwel test diffiċli għall-Ingilterra.
Huma lagħbu kontra team li ddomina bil-pussess tal-ballun, ħoloq bosta okkażjonijet u sa kwarta mit-tmiem kien qed jiddetta l-logħob.
Iżda tliet sostituzzjonijiet f’waqthom ħallew il-frott mixtieq minħabba li l-Lionesses bdew jippressaw u kisbu d-draw minn Ella Toone (84) biex fil-ħin barrani Georgia Stanway (102) skorjat il-goal tar-rebħa b’kanunata minn tarf il-kaxxa l-kbira … biex issa ilhom 17-il partita mingħajr telfa.
Min-naħa tal-Isvezja, dawn ġejjin minn rebħa ta’ 1-0 fuq il-Belġju. U minkejja li kienu favoriti netti li jirbħu dan il-konfront, huma kellhom jitħabtu ferm biex qatgħu l-passaġġ tagħhom mal-aħħar erbgħa … grazzi għal goal ta’ Linda Sembrant fil-ħin miżjud.
Peró, anke jekk kienu l-aħjar team l-Isvediżi xejn ma mpressjonaw u għaldaqstant l-Ingliżi jridu jesponu d-dgħufijiet fid-difiża tagħhom li bdiet tinqabad miftuħa beraħ fil-kontrattakki tal-Belġju.
Fil-fażi tal-gruppi, l-Isvezja temmew fi draw ta’ 1-1 kontra l-Olanda u għelbu lill-Isvizzera (2-1) u lill-Portugall (5-0).
Is-semifinali l-oħra, li se tintlagħab f’Milton Keynes Stadium, se tippreżenta konfront kolossali bejn il-Ġermanja u Franza.
Mill-aħħar erba’ timijiet kienu l-Ġermaniżi l-aktar li mpressjonaw meta fil-fażi tal-gruppi għelbu lid-Danimarka (4-0), lil Spanja (2-0) u lill-Finlandja (3-0). Barra minn hekk huma għelbu wkoll lill-Awstrija bl-iskor ta’ 2-0 fil-kwarti-finali biex huma l-uniku team li għadu ma sofra l-ebda goal.
Bla dubju, il-Ġermaniżi huma l-aristokratiċi fl-istorja tal-Kampjonat Ewropej meta din hija l-għaxar darba li se jilagħbu fis-semifinali … u saru tmien darbiet champions tal-Ewropa minn possibbiltá ta’ 12-il edizzjoni.
L-uniku diżappunt kien ħames snin ilu meta ġew eliminati fil-kwarti-finali u minn dak in-nhar huma bnew team ġdid fejn dawn l-aħħar snin kienu fażi ta’ transizzjoni u għaldaqstant ma bdewx dan it-tournament bħala favoriti. Iżda l-wirjiet f’dan l-erba’ partiti jgħidu mod ieħor hekk kif impressjonaw bil-kbir.
Min-naħa ta’ Franza, dawn ukoll kienu meqjusa fost il-favoriti għar-rebħ ta’ dan it-titlu. Dan minħabba li l-football tan-nisa f’dan il-pajjiż tant kiber li l-livell għola drastikament bil-konsegwenza li kiseb rispett kbir fuq il-mappa kalċistika Ewropea.
Huma bdew l-impenji tagħhom fil-fażi tal-gruppi bil-kbir meta fl-ewwel logħba huma għelbu lill-Italja bl-iskor ta’ 5-1 biex prattikament taw twissija tal-qawwa tagħhom.
Imbagħad huma għelbu lill-Belġju bl-iskor ta’ 2-1 liema rebħa setgħet kienet akbar … u konxji mill-kwalifikazzjoni għall-kwarti-finali huma serrħu xi players biex spiċċaw fi draw ta’ 1-1 kontra l-Islanda.
Fil-kwarti-finali kontra l-Belġju huma setgħu għalqu l-logħba fil-ħin normali meta għamlu minn kollox minbarra skorjaw … biex imbagħad kellu jkun penalty ta’ Eve Perisset fil-ħin barrani biex qata’ l-passaġġ mal-aħħar erbgħa.
Les Bleus issa ilhom ma jirbħu lill-Ġermaniżi għal dawn l-aħħar erba’ logħbiet kompetittivi.