Ingilterra …………….. 2
Ġermanja ……………. 1
(wara l-ħin barrani)
L-Ingilterra huma ċ-champions Ewropej tan-Nisa meta fil-finali għelbu lill-Ġermanja 2-1 fil-ħin barrani.
Iż-żewġ timijiet lagħbu b’mod aggressiv u b’intensitá kbira fejn baqgħu jissieltu sal-aħħar.
L-Ingilterra setgħu daħlu jistrieħu fil- vantaġġ peró Ellen White falliet żewġ ċansijiet tajbin.
L-ewwel wieħed wasal fit-tielet minuta meta Fran Kirby xeħtet cross iżda d-daqqa ta’ ras ta’ White kienet wisq ċentrali. Fl-ieħor setgħet għamlet aħjar meta fit-38 minuta hija ġriet għall-pass ta’ Beth Mead iżda dehret kemmxejn żbilanċjata u minn pożizzjoni ideali falliet il-mira bi ftit.
Fis-26 minuta, l-Ingliżi ħelsuha ħafif meta Leah Williamson salvat minn fuq il-linja fatali t-tentattiv ta’ Marina Hegering li segwiet konfużjoni sakemm il-goalkeeper Mary Earps ħatfet il-ballun.
Fit-62 minuta, l-Ingliżi fetħu l-iskor meta Keira Walsh xeħtet cross fit-tul lejn is-sostituta Ella Toone li għelbet in-nasba tal-offside, avvanzat u llobjat minn fuq il-goalkeeper Merle Frohms.
Iżda fid-79 minuta l-Ġermaniżi kisbu d-draw meta fetħu beraħ lid-difiża avversarja u minn pożizzjoni djagonali Lina Magull ma żbaljatx biex il-logħba marret fil-ħin barrani.
U proprju kienu l-Inglżi li skorjaw dak li kellu jkun il-goal tar-rebħa mis-sostituta Chloe Kelly (110) li approfittat minn indeċiżjoni fid-difiża.