Awstrija …….0
Franza ……….1
Franza, li huma meqjusa fost il-favoriti netti li jirbħu l-Kampjonat Ewropew għat- tielet darba fl-istorja tagħhom, għelbu lill-Awstrija bl-iskor ta’ 1-0, bl-uniku goal jasal minn auto-goal.
Peró, Les Bleus iddiżappuntaw bil-kbir meta ppreżentaw wirja fqira għajr ċansijiet li naqsu li jisfruttawhom.
Mas-suffara inizjali, il-Franċiżi ħarġu fuq l-offensiva fit-tentattiv li jiskorjaw goal kmieni u proprju fit-tmien minuta resqu viċin li jagħmlu dan meta Kylian Mbappe ħarab fuq il-faxxa xellugija … avvanza iżda x-xutt tiegħu minn pożizzjoni angolata ġie mdawwar f’corner mill-goalkeeper, Patrick Pentz.
Żewġ minuti wara, id- difensur xellugi, Theo Hernandez, għamel ġirja bħal Mbappe iżda l-cross tiegħu kien wieħed inutli minħabba li ma kien hemm l-ebda player Franċiż li seta’ xeħet il-ballun fix-xibka.
Fid-19-il minuta, Adrien Rabiot rebaħ ballun f’nofs il-ground, għadda lejn Antoine Griezmann li ġie antiċipat fil-ħin qabel seta’ jagħmel xi forma ta’ ħsara.
Peró, jekk il-Franċiżi taw l-impressjoni li kienu se jirbħu b’mod faċli, ma kienx il-każ minħabba li l-Awstrijaċi ħarġu mill-qoxra difensiva, bdew jaqsmu l- logħob, kellhom il-mumenti tagħhom … u resqu viċin li jiftħu l-iskor.
Infatti, fil-35 minuta, fallew ċans tad-deheb meta Marcel Sabitzer żmarka għal kollox lil Christoph Baumgartner li minn tarf il-kaxxa ż-żgħira ra lill-goalkeeper, Mike Maignan, iwettaq “miraklu”.
U ta’ dan in-nuqqas pattew qares minħabba li fit-38 minuta, kienu l-Franċiżi li marru fil-vantaġġ meta Mbappe qabeż lil Stefan Posch u mill-cross tiegħu, fit-tentattiv li jbiegħed il- periklu, Max Wober tefa’ fix-xibka tiegħu stess minn daqqa ta’ ras.
Fl-54 minuta, il-Franċiżi resqu viċin li jirduppjaw meta Theo Hernandez xeħet ‘il quddiem lejn Mbappe li ħarab jiġri waħdu u antiċipa l-ħarġa tal-goalkeeper Awstrijak billi pprova jdawwar il-ballun għal ġox- xibka iżda b’mod inkredibbli għamel l-impossibbli u xeħet barra.
Fis-67 minuta, Franza reġgħu heddew meta Hernandez xeħet cross fil-baxx iżda Griezmann naqas li jagħmel kuntatt biex seta’ tefa’ l-ballun fix-xibka.Minuta wara, Patrick Pentz salva x-xutt qawwi fil-baxx ta’ Marcus Thuram.
Fit-78 minuta, Maignan kien determinanti meta b’mod kuraġġuż ħareġ f’saqajn Baumgartner li seta’ kiseb il-goal tad-draw.
Fil-ħin miżjud, bl-għajta tal-goal, Olivier Giroud ġie antiċipat fil-kaxxa ż-żgħira.
Referee: Jesus Gil Manzano (Spanja)