Tuesday, November 26, 2024

Euro 2024: Il-Ġermanja tajbin wisq għall-Iskozja

Aqra wkoll

ĠERMANJA ……. 5

SKOZJA…………. 1

It-team ospitu tal-Ġermanja kellu bidu tal-Euro 2024 mill-aktar pożittiv meta umilja lill-Iskozja bl-iskor ta’ 5-1.

Kienet litteralment pas­siġġata għat-team immexxi mill-coach, Julian Nagelsmann, hekk kif il-goalkeeper, Manuel Neuer, ma kellux xutt wieħed indirizzat lejh ħlief l-auto goal ta’ Antonio Rudiger … filwaqt li l-Ġermaniżi fetħu assedju fuq il-lasti avversarji.   

Appena għaddew 20 sekonda, il-Ġermanja heddew li jiftħu l-iskor minn Florian Wirtz, li iżda, minbarra li ra t-tentattiv tiegħu jiġi salvat mill-goalkeeper, Angus Gunn, huwa kien f’pożizzjoni ta’ offside.

Iżda fil-10 minuta, dan tal-aħħar ġie megħlub mill-is­tess FLORIAN WIRTZ li wara li rċieva mingħand Joshua Kimmich, venven xutt imdawwar minn tarf il-kaxxa, b’Gunn jilqa’ parzjalment bil-ballun jib­qa’ sejjer ma’ sieq il-lasta u jintemm fix-xibka. 

Disa’ minuti wara, il- Ġermaniżi rduppjaw meta Ilkay Gundogan xeħet lejn Kai Havertz li daħal fil-kaxxa u minn pożizzjoni angolata, ipprefera li jqassam lil Jamal Musiala li kien ġej bil-ġirja u b’xutt li ma jaħfirx għolla x-xibka!

Fl-24 minuta, il-Ġerma­niżi ngħataw penalty meta Musiala ġie mwaqqa’ f’morsa minn Ryan Christie u Kieran Tierney … iżda wara verifikazzjoni mill-VAR, il-foul ġie ġġudikat li sar barra l-kaxxa biex l-Iskoċċiżi ħelsuha ħafif.

Mill-istess free-kick, il- goalkeeper Skoċċiż salva fuq Havertz.

Iżda fit-43 minuta, huma skorjaw it-tielet goal mill-11-il metru wara li Ryan Porteous ikkommeta foul professjonali fuq Gundo­gan meta dan tal-aħħar kien f’pożizzjoni li seta’ jiskorja.

Wara li Porteous intwera l-karta l-ħamra, KAI HAVERTZ xeħet lil Gunn fuq in-naħa l-ħażina.

Erba’ minuti mill-ftuħ tat-tieni taqsima, Gunn kien providenzjali meta daw­war f’corner ix-xutt ta’ Antonio Rudiger minn 35 metru bogħod. Fil-57 minuta, Wirtz kien għoddu kabbar il-vantaġġ b’volley b’saħħtu li mess mal-mimduda u spiċċa barra.

Fit-68 minuta, f’azzjoni  korali, il-Ġermaniżi sabu l-ispazji neċessarji, b’Musiala jgħaddi lis-sostitut NICLAS FULLKRUG li b’xutt qawwi xeħet il-ballun fir-rokna tax-xibka.

Fil-75 minuta, Fullkrug ħaseb li skorja doppjetta iżda l-goal tiegħu ġie mħassar għal offside.

Fit-87 minuta, l-Iskoċċiżi naqqsu d-distakk minn auto-goal ta’ Rudiger … iżda fit-93 minuta EMRE CAN għalaq il-partita b’xutt minn tarf il-kaxxa.

Ġermanja: 1-Manuel Neuer, 6-Joshua Kimmich, 2-Antonio Rudger, 4-Jonathan Tah, 18-Maximilian Mittelstadt, 23-Robert Andrich (5-Pascal Gross 46), 8-Toni Kroos (25-Emre Can 80), 10-Jamal Musiala (13-Thomas Muller 74), 21-Ilkay Gundogan, 17-Florian Wirtz (19-Leroy Sane 63), 7-Kai Havertz (9-Niclas Fullkrug 63) – Coach: Julian Nagelsmann

Skozja: 1-Angus Gunn, 2-Anthony Ralston, 15-Ryan Porteous, 13-Jack Hendry, 6-Kieran Tierney (26-Scott McKenna 77), 3-Andrew Robertson, 7-John McGinn (23-Kenny McLean 67), 4-Scott McTominay, 8-Callum McGregor (14-Billy Gilmour 67), 11-Ryan Christie (9-Lawrence Shankland 82), 10-Che Adams (5-Grant Hanley 46) – Coach: Steve Clarke

Referee: Clement Turpin (Franza)

Assistenti: Nicolas Da­nos, Benajmain Pages (Fran­za)

Raba’ Uff.: Francois Letexier (Franza)

Skorers: F. Wirtz 10, J. Musiala 19, K. Havertz 44 pen, N. Fullkrug 68, E. Can 93 (Ġ); A. Rudiger 87 og (S)

Ammoniti: R. Andrich, A. Rudiger, J. Tah (Ġ); A. Ralston (S)

Tkeċċa: R. Porteus 44 (S)

Sport