Monday, July 15, 2024

Titnieda l-ħames sejħa biex jiġu żviluppati proġetti innovattivi minn riċerkaturi tal-ilma u l-enerġija

Mill-2020 s’issa ġew approvati 13-il proġett b’investiment ta’ aktar minn €1.6 miljun

Aqra wkoll

L-Aġenzija għall-Enerġija u l-Ilma nediet il-ħames sejħa għall-proġetti ta’ riċerka u innovazzjoni fl-oqsma tal-ilma u l-enerġija. Permezz ta’ din l-inizjattiva, mill-2020 ġew iffinanzjati 13-il proġett ta’ riċerka fl-ilma u fl-enerġija, b’investiment ta’ aktar minn €1.6 miljun.

L-applikazzjonijiet għal ħames sejħa se jkunu qed jintlaqgħu online bejn l-24 ta’ Ġunju u t-23 ta’ Settembru, waqt li se tkun qed tiġi organizzata sessjoni ta’ informazzjoni għal dawk interessati, nhar it-28 ta’ Ġunju 2024.

Dan tħabbar mill-Ministru għall-Ambjent, l-Enerġija u r-Riġenerazzjoni tal-Port il-Kbir Miriam Dalli u mis-Segretarju Parlamentari għaż-Żgħażagħ, ir-Riċerka u l-Innovazzjoni Keith Azzopardi Tanti waqt preżentazzjoni tal-konklużjonijiet minn riċerkaturi ta’ erba’ proġetti li bbenefikaw minn din l-inizjattiva permezz tat-tieni sejħa fl-2021.

F’dawn l-aħħar snin ta’ din l-inizjattiva, kompla jiżdied l-interess mill-industrija wkoll, minbarra l-interess mis-settur akkademiku, hekk kif l-aġenzija inkludiet rekwiżit li l-applikanti jkunu parti minn konsorzju. Dan iwassal sabiex numru ta’ intrapriżi qed isiru aktar interessati jissottomettu proġetti bi sħab ma’ entitajiet akkademiċi, u b’hekk ir-riċerka tkun tista’ tieħu xejra iktar kummerċjali. Il-proġetti rebbieħa jingħataw finanzjament biex jaħdmu fuq l-ideat tagħhom u jaslu wkoll li jibnu prototipi bi tħejjija għal riċerka iżjed wiesgħa li twassal għall-progress f’implimentazzjoni kummerċjali.

Il-Ministru Miriam Dalli qalet kif ir-riċerka u l-innovazzjoni huma pilastri importanti fil-pjan tal-politika tal-enerġija u l-ilma. “Nemmen li meta ninvestu fir-riċerka u l-innovazzjoni nkunu qed ninvestu f’riċerkaturi lokali biex joffru soluzzjonijiet li jgħinu lill-pajjiż jilħaq il-miri sostenibbli tiegħu. Mill-bidu ta’ din l-inizjattiva fl-2020 ġie investit €1.6 miljun fi 13-il proġett differenti li jittrattaw diversi oqsma fis-settur tal-ilma u l-enerġija. Inħares ’il quddiem għal aktar inizjattivi bħal dawn biex b’hekk  inkunu nistgħu nwasslu għal riżultati iktar pożittivi, li jħallu impatt dirett fuq il-ħajja ta’ kull wieħed u waħda minna,” qalet il-ministru.

Min-naħa tiegħu, is-Segretarju Parlamentari Keith Azzopardi Tanti faħħar din il-ħidma minħabba l-importanza ta’ dan il-qasam u n-neċessità tal-progress kontinwu fih. “Inħeġġeġ biex ikun hekk aktar kollaborazzjoni bejn l-entitajiet, bħalma qed  issir bejn l-Aġenzija dwar l-Enerġija u l-Ilma u l-MCST, għaliex flimkien nistgħu nwittu t-triq għall-futur ta’ pajjiżna u niżviluppaw sistema olistika li tilqa’ għall-isfidi li jevolvu.”

Fost il-13-il proġett li diġà bbenefikaw, hemm proġetti li qed jaħdmu fuq kunċetti tanġibbli li tista’ ssibhom fi djar residenzjali, bħall-pannelli solari, batteriji għall-karozzi elettriċi u ilma potabbli. Hemm ukoll numru ta’ proġetti li jiffukaw fuq skala industrijali bħal rinnovabbli lil hinn minn xtutna, grid tal-enerġija u sistemi ta’ groundwater. Il-lista ta’ benefiċjarji attwali hija wiesgħa u tvarja minn akkademiċi, is-settur pubbliku u istituzzjonijiet privati.

L-oqsma ta’ riċerka li għandhom jiffukaw fuqhom l-applikanti prospettivi għal din is-sena għandhom ikunu fuq l-enerġija u l-ilma, b’interess speċjali fuq sistemi ta’ greywater li jtejbu l-effiċjenza tal-ilma, kif ukoll sistemi ta’ irrigazzjoni agrikola iktar effiċjenti. Min-naħa l-oħra, l-oqsma fis-settur tal-enerġija għandhom jiffukaw fuq potenzjal ta’ sistemi ta’ enerġija mix-xemx jew mir-riħ, kif ukoll l-integrazzjoni tal-grid u l-ħażna tal-enerġija ma’ sorsi ta’ enerġija u demand-side management.

Għal aktar informazzjoni dwar din l-iskema żur is-sit elettroniku www.energywateragency.gov.mt.

Ekonomija

Sport