Sunday, December 22, 2024

Euro 2024: Il-Maltin jitilfu b’penalty ivvintat

Aqra wkoll

Ukrajna ……..1

Malta ………..0

Penalty diskutibbli f’nofs it-tieni taqsima sewa lil Malta telfa ta’ 1-0 kontra l-Ukrajna, valida mir-round ta’ kwalifikazzjoni tal-Euro 2024.

Din il-partita ntlagħbet fil-belt ta’ Trnava, is-Slovakkja minħabba li l-pajjiż Ukren qed jiġi bbumbardjat mill-qawwiet Russi.

Fil-bidu tal-ewwel taqsima, l-Ukreni taw l-impres­sjoni li kienu se jixħtu lill-Maltin fil-qoxra difensiva tagħhom u jiftħu pres­sjoni kontinwa fuq il-lasti tagħna.

Iżda mal-ħin, il-players tagħna bdew jikbru fl-ista­tura u xejnu l-furja tal-avversarji bil-kostruz­zjoni offensiva bdiet tasal mill-faxex laterali.

Fil-veritá ma kienx jimmeritana li noħorġu b’idej­na vojta fejn sar titjib kon­sederevoli mit-telfa ta’ 4-0 kontra l-Ingilterra. Peró, wara t-tieni penalty tlifna xi ftit il-konċentrazzjoni.

Mas-suffara iniżjali, l-avversarji ħarġu fuq l-offensiva u fir-raba’ minuta kienu għoddhom fetħu l-iskor meta x-xutt ta’ Vladyslav Vanat ġie salvat parzjalment mill-goalkeper Henry Bonello, b’Andriy Yarmolenko jieħu r-rebound minn qagħda angolata iżda Jean Borg evita goal ċert meta nnewtralizza f’corner.

Ir-reazzjoni Maltija waslet fil-11-il minuta b’xutt fil-baxx ta’ Jodi Felice Jones minn barra l-kaxxa li l-goalkeeper, Anatoly Trubin, salva mingħajr wisq tbatija.

Fis-17-il minuta, l-Ukreni resqu viċin li jiftħu l-iskor meta ħarbu b’kontrattakk fejn Viktor Tsygankov xeħet cross insidjuż mix-xellug u bl-għajta tal-goal, Vanat xeħet barra minn taħt il-lasti.

Sitt minuti wara, Felice Jones falla ċans tad-deheb għal Malta meta Ryan Camenzuli xeħet cross perikoluż, u mill-clearance ta’ Mykola Matviyenko, il-ballun waqa’ f’sa­qajn l-attakkant Malti iżda b’first-timer minn tarf il-kaxxa ż-żgħira tefa’ barra.

Fl-40 minuta, Tsygankov ivvertikalizza cross fil-baxx minn fuq ix-xellug iżda Bonello antiċipa fil-ħin lil Vanat, b’dan tal-aħħar itawwal siequ bil-konsegwenza li kkommetta foul fuq il-goalkeeper Malti li sfortunatament kellu jinbidel.

Fil-ħin miżjud, l-Ukreni skorjaw permezz ta’  Tsygan­kov iżda fil-proċess, Vanat, kien issenjalat f’pożiz­zjoni ta’ offside.

Fit-52 minuta, konna fortunati meta Andriy Yarmolenko falla penalty meta ġie mċaħħad mill-mimduda wara li Jean Borg mess il-ballun b’idu fil-kaxxa.

Fis-60 minuta, mill-cross ta’ Zach Muscat,  Yannick Yankam inqala’ mid-difiża u b’xutt bid-dawra ra lil Trubin jilqa’ t-tentattiv tiegħu.

Fid-69 minuta, l-Ukreni ngħataw penalty ieħor meta Jean Borg ġie ġġu­dikat li waqqa’ lil Yarmolenko mingħajr ma sar l-ebda kuntatt.

Il-Maltin talbu lir-referee biex imur jivverifika mal-VAR iżda l-uffiċjal Franċiż baqa’ jinsisti bid-deċiżjoni tiegħu. U mill-11-il metru, din id-darba Viktor Tsygankkov ma żbaljax.

Fid-89 minuta, kellu jkun il-goalkeeper Matthew Grech, li kien sostitut denju, li antiċipa fil-ħin lil Artem Dovbyk li seta’ jagħmel il-ħsara.

UKRAJNA: 12-Anatoly Trubin, 4-Serhiy Kryvstov, 6-Taras Stepanenko, 7-Andriy Yarmolenko (5-Serhiy Sydrochuk 80), 8-Ruslan Malinovsky (14-Vitaly Buyalskyi 63), 9-Vladyslav Vanat (11-Artem Dovbyk 63), 13-Illia Zabarnyi, 15-Viktor Tsygankov (3-Oleksandr Svatok 94), 17-Yukhym Ko­nop­lia, 21-Heorhiy Sudakov, 22-Mykola Matviyenko (16-Vitaly Mykolenko 46) – Coach: Serhiy Rebrov

MALTA: 1-Henry Bonello (12-Matthew Grech 45), 3-Ryan Camenzuli, 4-Steve Borg, 6-Matthew Guillau­mier, 7-Joseph Mbong (18-Jurgen Degabriele 87), 9-Kyrian Nwoko (14-Alex Satariano 46), 10-Teddy Teuma (8-Jake Grech 87), 11-Jodi Felice Jones (21-Shaun Dimech 62), 20-Yannick Yankam, 22-Zach Muscat, 23-Jean Borg  – Coach: Michele Marcolini

REFEREE: Ruddy Buquet (Franza)

ASS. REFEREES: Nicolas Da­nos, Aurelien Drouet (Franza)

RABA’ UFF: Bastien Dechepy (Franza)

SKORER: V. Tsygankov (72 pen)

AMMONITI: V. Vanat, R. Mali­novsky (U); J. Borg, S. Borg (M)

Ekonomija

Sport