Tuesday, May 14, 2024

Tiżdied il-kompetenza tat-Tribunal għal Talbiet tal-Konsumaturi

… 1,454 sentenza mit-Tribunal fl-aħħar 10 snin

Claudio Coleiro
Claudio Coleiro
Ġurnalist

Aqra wkoll

Waqt id-diskussjoni parlamentari dwar l-Abbozz ta’ Liġi li jemenda l-Att dwar l-Affarijiet tal-Konsumatur, il-Ministru għall-Inklużjoni, il-Volontarjat u d-Drittijiet tal-Konsumatur Julia Farrugia Portelli qalet li sena ilu, Gvern Laburista wiegħed li jekk ikun elett, se jsaħħaħ l-għodda lill-konsumaturi li jħossuhom li ngidmu minn xi servizz jew xiri ta’ prodott. 

“Huwa ta’ pjaċir għalija li qegħdin nersqu f’din il-Kamra b’wegħda elettorali oħra u soluzzjoni dwar kif se nwettquha. Għal darba oħra qegħdin nestendu l-kompetenza tat-Tribunal għat-Talbiet tal-Konsumaturi,” qalet il-Ministru Farrugia Portelli.

Dan it-Tribunal huwa korp ġudizzjarju mwaqqaf biex jisma’ u jiddeċiedi tilwim ta’ konsumaturi kontra kummerċjanti li ma jkunux gew solvuti b’mod amikevoli wara l-intervent tal-Uffiċċju għall-Affarijiet tal-Konsumatur fi ħdan l-Awtorità ta’ Malta għall-Kompetizzjoni u għall-Affarijiet tal-Konsumatur, jew ta’ assoċjazzjoni reġistrata tal-konsumaturi.

Il-Ministru Farrugia Portelli qalet li l-ammont tat-talba li konsumatur jista’ jiftaħ quddiem it-Tribunal żdied minn €3,500 għal €5,000 fl-2021 permezz tal-ATT XLIV tatl-2021. Skont il-wegħda elettorali numru 944 tal-manifest elettorali tal-2022, qed tiġi estiża aktar il-kompetenza tat-Tribunal sabiex ikun jista’ jisma kawżi tal-konsumaturi b’valur sa €10,000. Dan se jiżgura li l-maġġoranza tal-ilmenti tal-konsumaturi mressqa mal-Uffiċċju għall-Affarijiet tal-Konsumatur jistgħu jiġu riferuti lil dan it-Tribunal. 

Bl-estensjoni tal-kompetenza tat-Tribunal għal €10,000, ilmenti, fosthom dawk relatati ma’ package travel, manutenzjoni u titjib fid-dar (oġġetti u servizzi), karozzi ġodda jew second hand, u sorsi ta’ energija bħal pannelli solari, li ħafna drabi jkollhom valur li jaqbeż il-€5,000, se jkunu jistgħu jinstemgħu u jiġu deċiżi quddiem dan it-Tribunal.

Biex tkompli tissaħħaħ l-effiċjenza tat-Tribunal, qed tigi introdotta wkoll dispożizzjoni ġdida, sabiex jekk il-partijiet jaqblu, tippermetti li s-seduti jsiru permezz ta’ video-conferencing. Barra minn hekk nħatru wkoll żewġ arbitri ġodda biex jilqgħu għaż-żieda mistennija fil-każijiet u issa n-numru totali ta’ arbitri huwa ta’ sitta.

Taqsima oħra tal-Abbozz se tkun qiegħda temenda r-Regoli dwar it-Tribunal għal Talbiet tal-Konsumaturi sabiex:

– tinbidel ir-referenza għall-valur tal-massimu tat-talba minn €5,000 għal €10,000;

– it-talba tal-konsumatur u r-risposta għal talba tal-kummerċjant tkun tista’ tiġi ppreżentata permezz tal-online portal,

– tiġi miżjuda dispożizzjoni li tagħti l-possibilità li kwalunkwe mill-partijiet jiġu trattati bħala preżenti għal seduta meta dan isir minn post remot, permezz ta’ video conferencing;

– tinkludi tariffi goġġa fl-Ewwel Skeda – Tariffa A: Drittijiet li jitħallsu fir-Reġistru ta’ Tribunal, għal talbiet bejn €5,000 u €10,000; u

– jiġu emendati l-formoli tat-Tribunal fit-Tieni Skeda biex jirriflettu t-tibdil imsemmi.

Sadanittant, il-Ministru Farrugia Portelli tat ħarsa lejn it-talbiet imressqa quddiem it-Tribunal għal Talbiet tal-Konsumaturi f’dawn l-aħħar 10 snin fejn jirriżulta li f’dan il-perjodu, it-total ta’ sentenzi maħruġa kienu jammontaw għal 1,454 filwaqt li kien hemm 589 każ li kienu rtirati.

Sport