Monday, November 23, 2026
Home Sport Waterpolo: Imfaħħra t-tliet timijiet Maltin fuq il-website tal-LEN wara li bbrillaw fir-round...

Waterpolo: Imfaħħra t-tliet timijiet Maltin fuq il-website tal-LEN wara li bbrillaw fir-round ta’ kwalifikazzjoni taċ-Challenger Cup

0
34
Matthew Zammit (San Ġiljan) - (ritratt: Sean Camilleri)

It-tliet timijiet Maltin kellhom prestazzjoni mill-aqwa fl-ewwel fażi ta’ kwalifikazzjoni taċ-Challenger Cup tal-irġiel li ntlagħbet fi tmiem il-ġimgħa, hekk kif San Ġiljan u Sliema rebħu l-gruppi rispettivi tagħhom, filwaqt li Neptunes ukoll għaddew għall-fażi li jmiss wara li temmew fit-tieni post tal-grupp tagħhom. 

It-tielet team li spiċċa fil-quċċata tal-grupp tiegħu kien Utrecht, li kiseb rebħiet fit-tliet logħbiet kollha.

San Ġiljan, li ospita Grupp A, kiseb tliet rebħiet tajbin biex temm fil-quċċata tal-klassifika. Il-pixxina tal-Cottonera rat għadd kbir ta’ goals, b’total ta’ 195 goal fis-sitt logħbiet li ntlagħbu, medja ta’ 32.5 goal għal kull partita.

It-team Malti kiseb rebħa spettakolari ta’ 19-15 kontra Zaibas, li spiċċaw fit-tieni post u li kienu finalisti telliefa f’din il-kompetizzjoni fl-aħħar żewġ staġuni. 

San Ġiljan bdew il-konfront b’mod mill-aqwa, hekk kif marru 6-0 minn fuq fi tmien minuti biss u minn hemm ’il quddiem baqgħu jikkontrollaw il-logħba, minkejja li t-team Litwan baqa’ jiġġieled sal-aħħar. L-aħħar sessjoni waħedha kienet waħda spettakolari, bi 13-il goal skorjat.

Ir-rebħa kbira ta’ Cherno More bl-iskor ta’ 26-14 kontra Paredes kienet deċiżiva għall-Bulgari biex jiksbu kwalifikazzjoni bħala wieħed miż-żewġ timijiet bl-aħjar riżultat fost dawk li spiċċaw fit-tielet post f’din il-fażi. Wieħed mit-tliet players Serbi tagħhom, Nemanja Milic, kien f’forma mill-aqwa, hekk kif skorja disa’ goals fil-konfront kruċjali tal-Ħadd.

Fil-Grupp B, Utrecht ukoll irreġistra rebħiet fit-tliet logħbiet kollha fil-pixxina tiegħu, u wera s-superjorità tiegħu b’rebħa konvinċenti ta’ 14-6 kontra Stepp Praha, li temmew fit-tieni post. Min-naħa l-oħra, Carouge Natation ma rnexxilhomx jagħmlu  il-logħbiet kontra l-ewwel żewġ timijiet aktar bilanċjati. Minkejja li għelbu lil Nicosia, li spiċċaw fir-raba’ post, it-team Svizzeru ma rnexxilux jikkwalifika, hekk kif kellu l-agħar riżultati fost it-tliet timijiet li spiċċaw fit-tielet post fil-gruppi rispettivi tagħhom.

Fil-Grupp C, tliet timijiet temmew b’sitt punti kull wieħed, biex b’hekk kollha assiguraw posthom fil-fażi li jmiss. Ir-rebħa ta’ Sliema bl-iskor ta’ 16-7 kontra Hapoel assigurat lill-Maltin l-ewwel post tal-grupp, minkejja li huma kienu sfaw megħluba minn team Malti ieħor, Neptunes.

Min-naħa tagħhom, l-Iżraeljani ta’ Hapoel irnexxielhom jegħlbu lil Neptunes f’konfront ferm bilanċjat u eċċitanti, bl-istess mod kif kienu għelbu lill-organizzaturi Maribor. 

Dawn iż-żewġ rebħiet diffiċli u ferm importanti wasslu biex Hapoel iżommu ħajja l-avventura Ewropea tagħhom.

*Dan huwa r-rapport li deher fuq il-website tal-LEN

LEAVE A REPLY

Please enter your comment!
Please enter your name here