Monday, November 23, 2026
Home Sport Malta titlef fil-finali tal-Malta Junior Snooker Invitational 2026

Malta titlef fil-finali tal-Malta Junior Snooker Invitational 2026

0
47

Il-Ħadd, fl-Akkademja Maltija tas-Snooker fil-Ħamrun, intemmet l-ewwel edizzjoni tal-Malta Junior Snooker Invitational, kompetizzjoni internazzjonali li fiha ħadu sehem tnax-il tim minn seba’ pajjiżi differenti, b’Malta tikseb it-tieni post.

It-tim Malti, Snooker Academy A, kien kompost minn Xavier Rizzo fil-kategorija ta’ taħt il-21 sena, Jake Castaldi taħt it-18-il sena, Caiden Casha taħt is-16-il sena u Adam Pace taħt l-14-il sena. Matul kompetizzjoni intensiva li damet erbat ijiem, it-tim Malti mhux biss irnexxielu jirbaħ il-grupp tiegħu, iżda kiseb ukoll l-akbar ammont ta’ frames mit-tnax-il tim parteċipant, b’total ta’ 48 frame. Fis-semifinali, Malta għelbet lit-tim Ingliż Chandlers Ford Snooker Club bl-iskor ta’ 17-14, biex b’hekk kisbet postha fil-finali.

Fl-aħħar konfront, l-avversarji tat-tim Malti kienu t-tim Ingliż QBar-Walsall Wood A, li kien kiseb postu fil-finali wara rebħa ta’ 17-5 kontra t-tim Irlandiż Snooker & Billiards Ireland.

Madankollu, il-finali bdiet b’daqqa ta’ ħarta għat-tim Malti, hekk kif Caiden Casha ħassu ma jiflaħx u kellu jirtira mill-kompetizzjoni. B’hekk, it-tim Malti kellu jkompli b’terza plejers biss, filwaqt li l-logħbiet li kellu jilgħab Casha ġew ikkunsidrati bħala walk-over favur it-tim Ingliż. Din kienet daqqa ta’ ħarta kbira għaż-żgħażagħ Maltin u poġġiethom fi żvantaġġ konsiderevoli fil-konfront deċiżiv.

Ta’ min jinnota li, qabel il-finali tat-timijiet, Casha kien irnexxielu jasal sal-finali tal-kompetizzjoni individwali fil-kategorija ta’ taħt is-16-il sena, minkejja li kien diġà beda jħossu ma jiflaħx. Madankollu, fil-finali huwa kellu jċedi kontra l-Pollakk Axel Wysoczanski, li kien qed jirrappreżenta lil Snookerowy Klub Sportowy.

Il-kompetizzjonijiet individwali kienu maqsuma fi tliet kategoriji ta’ età, jiġifieri taħt is-16-il sena, taħt l-14-il sena u taħt it-12-il sena. Minbarra l-finali tal-kategorija ta’ taħt is-16-il sena, il-kategoriji l-oħra ntrebħu minn Alex Scotney ta’ Chandlers Ford Snooker Club u Lucas Walker ta’ QBar-Walsall Wood, rispettivament.

Fil-finali ewlenija tat-tournament, it-tim Malti kompost minn Xavier Rizzo, Jake Castaldi u Adam Pace spiċċa megħlub mit-tim Ingliż QBar-Walsall Wood A, li kien magħmul minn Toby Smith, Bobbie Wilson, Riley Walker u Lucas Walker. Il-konfront intemm bl-iskor ta’ 17-8 favur it-tim Ingliż, li b’hekk inkuruna ruħu bħala r-rebbieħ tal-ewwel edizzjoni ta’ din il-kompetizzjoni internazzjonali.

Wara l-finali saru diversi preżentazzjonijiet u ċerimonji ta’ premjazzjoni. Għalihom attendew il-President tal-Malta Billiards & Snooker Association, Ivan Brincat, id-direttur ta’ Snooker Centre, il-Pollakk Przemek Kruk, kif ukoll iċ-Chairman ta’ SportMalta, Matthew Pisani, li kienet waħda mill-entitajiet ewlenin li appoġġjaw u sponsorjaw dan it-tournament internazzjonali.

LEAVE A REPLY

Please enter your comment!
Please enter your name here