Monday, November 23, 2026
Home Sport Malta tilqa’ kompetizzjoni Ewropea tat-Taekwondo b’parteċipazzjoni ta’ atleti minn diversi pajjiżi

Malta tilqa’ kompetizzjoni Ewropea tat-Taekwondo b’parteċipazzjoni ta’ atleti minn diversi pajjiżi

0
35

Il-Ministru għall-Edukazzjoni u l-Isport, Byron Camilleri, attenda l-Malta E2 European Ranking Competition, kompetizzjoni internazzjonali tat-Taekwondo li saret is-Sibt 21 ta’ Novembru, fil-Kumpless Sportiv ta’ SportMalta fil-Kottonera.

Din il-kompetizzjoni, organizzata mill-Malta Taekwondo Association bl-appoġġ ta’ SportMalta u VisitMalta, kienet mistennija tattira madwar 350 atleta minn diversi pajjiżi Ewropej, li jikkompetu biex jiksbu punti fil-klassifika Ewropea tat-Taekwondo.

Il-Ministru Camilleri saħaq fuq l-importanza li Malta tkompli tattira kompetizzjonijiet sportivi internazzjonali, li jagħtu opportunitajiet lill-atleti Maltin biex jikkompetu f’livell għoli, filwaqt li jikkontribwixxu għall-iżvilupp ta’ dixxiplini sportivi differenti u jsaħħu l-profil ta’ Malta fix-xena sportiva internazzjonali.

“Meta Malta tilqa’ kompetizzjonijiet sportivi ta’ dan il-livell, inkunu qed noħolqu opportunitajiet importanti għall-atleti tagħna biex jiksbu esperjenzi ġodda u jkomplu jiżviluppaw il-kapaċitajiet tagħhom, f’pajjiżna stess. Dan juri wkoll l-importanza li nkomplu ninvestu f’faċilitajiet sportivi moderni u ta’ kwalità, li mhux biss jaqdu l-ħtiġijiet tal-atleti Maltin, iżda jippermettulna wkoll nilqgħu avvenimenti internazzjonali f’pajjiżna. Qed inkomplu naħdmu mal-assoċjazzjonijiet u l-federazzjonijiet sportivi biex insaħħu l-isport f’Malta, nappoġġjaw it-talent lokali u nattiraw aktar kompetizzjonijiet internazzjonali,” qal il-Ministru Camilleri.

Min-naħa tagħha, il-President tal-Malta Taekwondo Association, Anna Vassallo, spjegat li l-Malta E2 European Ranking Competition qed tilqa’ atleti minn madwar 30 pajjiż differenti, b’parteċipazzjoni ta’ madwar 700 atleta matul l-avveniment. “Din hija kompetizzjoni importanti fil-klassifika Ewropea tat-Taekwondo, li qed tlaqqa’ wħud mill-aqwa atleti f’dan l-isport. Għandna wkoll parteċipazzjoni tajba ta’ atleti Maltin. Barra minn hekk, bħala parti minn dan il-festival tat-Taekwondo, qed norganizzaw ukoll kamp internazzjonali ta’ taħriġ għall-Masters,” qalet Anna Vassallo.

Il-Malta E2 European Ranking Competition tifforma parti minn programm usa’ ta’ attivitajiet internazzjonali tat-Taekwondo organizzati f’Malta matul dawn il-jiem.

Il-Ħadd 22 ta’ Novembru sar ukoll il-Malta International Open, kompetizzjoni internazzjonali li tilqa’ atleti minn diversi kategoriji tal-età, mit-tfal sal-kategorija tal-Masters, bil-għan li tħeġġeġ il-parteċipazzjoni u l-iżvilupp sportiv.

Il-programm jinkludi wkoll kamp ta’ taħriġ internazzjonali mmexxi minn Edu Moreno Lozano minn Spanja, champion mondjali fil-kategorija Masters, u Gianluca Barbara minn Malta, champion fil-kategorija Masters. Dan it-taħriġ joffri opportunità għall-iskambju tal-għarfien u l-esperjenzi bejn atleti minn pajjiżi differenti.

B’kollox, aktar minn 700 atleta, kowċ u uffiċjal internazzjonali kienu mistennija jkunu f’Malta għal dawn l-attivitajiet, li jkomplu jikkontribwixxu għall-promozzjoni tal-isport u għall-pożizzjonament ta’ Malta bħala destinazzjoni għal avvenimenti sportivi internazzjonali.

LEAVE A REPLY

Please enter your comment!
Please enter your name here