Turkija ………0
Portugall ……3
Ispirati minn Cristiano Ronaldo, il-Portugall għelbu lit-Turkija bl-iskor ta’ 3-0 biex ikkwalifikaw għall-Aħħar 16 tal-Euro 2024.
F’dan il-konfront, il-Portugiżi kienu l-aħjar f’kull dipartiment wara li qatlu l-furja li biha ħarġu t-Torok fit-tentattiv biex ifittxu goal kmieni.
Peró, ladarba l-Portugiżi ssetiljaw ma kien hemm l-ebda dubju mir-rebħa li b’mod kollettiv kienet waħda meritata.
Player ieħor li spikka kien Bernardo Silva li kull kostruzzjoni offensiva ħarġet minn saqajh bil-viżjoni eċċellenti li huwa jippossjiedi.
Din il-partita kellha bidu qawwi meta fit-tielet minuta, attakk tal-Portugiżi spiċċa bi Cristiano Ronaldo jixxuttja ċentrali biex il- goalkeeper, Altay Bayindir, salva mingħajr diffikultá.
Iżda tliet minuti wara, it-Torok resqu ferm viċin li jiftħu l-iskor meta l-cross ta’ Zeki Celik, sab lil Kerem Akturkoglu li minn taħt il-lasti naqas li jitfa’ l-ballun fix-xibka biex id-difensur, Ruben Dias, kien pront tajjar il-periklu.
Mal-ħin, il-partita saret waħda missielta biż-żewġ settijiet ta’ players ma jċedux pulzier.
Peró, fil-21 minuta, kienu l-Portugall li fetħu l-iskor meta Rafael Leao għadda ballun lejn Nuno Mendes li xeħet cross fil-baxx lejn Cristiano Ronaldo li ma laħaqx il-ballun iżda warajh kien ġej Bernardo Silva li sammar il-ballun fix-xibka.
U seba’ minuti wara, il- Portugiżi rduppjaw meta b’mod mill-aktar traskurat Samet Akaydin ta back-pass mingħajr ma qagħad jara fejnu l-goalkeeper sieħbu biex ikkommetta auto-goal … li dan kien is-sitt wieħed f’din l-edizzjoni.
Fil-ftuħ tat-tieni taqsima, il-Portugiżi komplew fejn ħallew qabel il-mistrieħ hekk kif fis-56 minuta huma skorjaw it-tielet goal … aċċertaw mir-rebħa … kif ukoll mill-kwalifikazzjoni.
Cristiano Ronaldo għeleb in-nasba tal-offside, avvanza bil-ballun … u meta kulħadd ħaseb li kien se jdur mal-goalkeeper Tork li ħareġ minn post biex jipprova jantiċipah … bl-aktar mod altruwista huwa għadda lejn BRUNO FERNANDES li b’lasti vojta ddepożita l-ballun fix-xibka.
Il-partitarji Portugiżi sellmu lil Ronaldo billi bdew ikantaw “Viva Ronaldo” bħala rikonoxximent tas-servizz kalċistiku lil pajjiż tagħhom!
Barra minn hekk, interessanti huwa l-fatt li għall-ewwel darba fl-istorja tal-Kampjonat Ewropew, player ta’ Manchester City (Silva) u dak ta’ Manchester United (Fernandez) skorjaw fl-istess partita għall-istess team.