Wednesday, July 24, 2024

Euro 2024: Draw ġust bejn Georgia u r-Repubblika Ċeka

Aqra wkoll

Georgia ……….1

Rep Ċeka …….1

F’konfront mill-aktar bilanċjat minn Grupp F, Georgia u r-Repubblika Ċeka temmew fi draw ta’ 1-1 liema riżultati ma kkuntenta li ħadd minħabba li issa jridu jirbħu l-logħba li jmiss biex forsi jkomplu javvanzaw.

Kienu ċ-Ċeki li ħarġu fuq l-offenisva u wara biss tliet minuti, tentattiv mill-viċin ta’ Adam Hlozek ġie mdawwar f’corner mill-goalkeeper, Giorgi Mamardashvili. Żewġ minuti wara daqqa ta’ ras Hlozek reġgħet ħarġet l-aħjar ta’ Mamardashvili.

Fit-23 minuta, iċ-Ċeki kellhom ferħa bla temma meta Hlo­zek kellu xutt minn taħt il-lasta salvat minn Mamardashvili,  bil-ballun jaħbat ma’ wiċċu u ma’  idu qabel intemm fix-xibka … iżda r-referee Ġermaniż, Daniel Siebert, wara konsultaz­zjoni mal-VAR ħassar dan il-goal għal handsball.

Fil-ħin miżjud tal-ewwel taqsima, Georgia ngħataw pe­nalty meta  l-ballun deher jaħbat ma’ id-difensur, Robin Hra­nac. Mill-11-il metru, GEORGES MIKAUTADZE xeħet lill-goalkeeper avversarju, Jindrich Stanek, fuq in-naħa opposta.

Fit-tieni taqsima, iċ-Ċeki ħarġu aktar avventurużi u żiedu l-pressjoni tagħhom fuq il-lasti avversarji, tant, li fid-59 minuta huma kisbu l-goal tad-draw.

Dan wasal minn azzjoni ta’ corner hekk kif Vaclav Cerny kellu d-daqqa ta’ ras tiegħu taħbat mal-wieqfa u mir-rebound l-attakkant, PATRIK SCHICK, b’sidru kompla l-bal­lun fix-xib­ka, b’dan ikun is-sitt goal tiegħu fl-istorja tal-Kampjonat Ewropew. Kienet ħasra li l-istess Shick kellu jħalli l-ground minħabba li sofra injury fl-għaksa.

Fil-ħin miżjud, Georgia fallew ċans tad-deheb li jiskorjaw il-goal tar-rebħa meta Zuriko Davitashvili minn taħt il-lasta tefa’ inkredibbilment għoli, biċ-Ċeki jeħilsuha ħafif.

Ekonomija

Sport