Sunday, December 22, 2024

Euro 2024: Illum tiġi fi tmiemha l-ewwel ġurnata tal-Fażi tal-Gruppi

Aqra wkoll

Illum tiġi fi tmiemha l-ewwel ġurnata tal-fażi finali tal-Euro 2024 biex it-timijiet kollha li qed jieħdu sehem jkunu għamlu l-ewwel dehra tagħhom.

Fiż-żewġ partiti tal-lum, it-Turkija jiltaqgħu kontra d-debuttanti, Georgia, filwaqt li t-tieni partita se tlaqqa’ lill-eks champions Ewropej, il-Portugall, li jaffrontaw lir-Repubblika Ċeka.

TURKIJA v GEORGIA – 6.00 pm

It-Turkija tiftaħ l-impenji tagħha ta’ dan it-tournament b’konfront xi ftit partikolari kontra Georgia.

It-team immexxi minn Vincenzo Montella se jilgħab kontra avversarji li għalihom hija l-ewwel darba fl-istorja li kkwalifikaw għall-fażi finali.

Georgia waslu sa dan l-istadju meta lagħbu fil-play-offs grazzi għall-klassifikazzjoni tagħhom fil-UEFA Nations League.

Huma lagħbu f’Path C ta’ dawn il-play-offs fejn fis-semi-finali għelbu lil Lussemburgu bl-iskor ta’ 2-0 filwaqt li rebħu l-finali kontra l-Greċja bl-iskor ta’ 4-2 bl-għoti tal-penalties wara li temmew fi draw ta’ 0-0.

Min-naħa tagħhom, it-Turkija rebħu Grupp D meta spiċċaw punt fuq is-Serbja li nhar il-Ħadd li għadda sfaw megħluba mill-Ingilterra bl-iskor ta’ 1-0.

Peró, it-Torok kellhom iħallu tliet players barra minħabba li qed jirkupraw minn injury. Dawn huma Caglar Soyuncu, Eres Unal u Cengiz Under.

Għaldaqstant, l-għażla waqgħet fuq ele­menti żgħażagħ mħallta ma’ players ta’ esperjenza fosthom, Arda Guler (Real Mad­rid), Hakan Calhanoglu (Inter) u Cenk Tosun (Besiktas).

Il-coach ta’ Georgia hu Willy Sagnol li fil-karriera tiegħu lagħab ma’ Franza bħala difensur.

Huwa rnexxielu jgħaqqad il-formula ġusta biex Georgia se jagħmlu d-debutt tagħhom fl-istorja tal-Kampjonat Ewropew.

Il-bażi tat-team huwa mibni fuq it-tliet players, Kvicha Kvaratshkelia (Napoli), Solomon Kvirkvelia (Al-Okhdood) u Otar Kiteishvili (Sturm Graz), li kienu strumentali fil-fażi ta’ kwalifikazzjoni. 

Dawn iż-żewġ timijiet iltaqgħu ħames darbiet fl-istorja fejn it-Torok ħarġu rebbieħa fi tliet okkażjonijiet filwaqt li Georgia rebħu waħda, bil-logħba l-oħra tintemm fi draw.

Interessanti għandu jkun id-dwell bejn iż-żewġ players li jilagħbu fil-kampjonat Taljan – Calhanoglu kontra Kvaratshkelia … se tkun kwistjoni min minnhom se jkun l-aktar determinanti għat-team tiegħu.

Il-logħba se tintlagħab fil-BVB Stadion f’Dortmund, stadium li jesa’ aktar minn 81,000 spettatur.

PORTUGALL v REP. ĊEKA – 9.00 pm

Il-Portugall se jippruvaw jirrepetu l-bravura ta’ tmien snin ilu meta kienu rebħu l-Euro 2018.

Huma jibdew il-mixja tagħhom b’konfront xi ftit diffiċli kontra r-Repubblika Ċeka. Ironikament dawn se jkunu l-aħħar żewġ timijiet li għad iridu jagħmlu d-debutt tagħhom f’din il-manifestazzjoni Ewropea.

It-team Portugiż għandu t-talenti kbar fi ħdanu bil-coach, Roberto Martinez, għandu l-lussu tal-għażla ta’ attakkanti perikolużi bħal Bruno Fernandes, Rafael Leao u Cristiano Ronaldo.

Wieħed ma jistax jinsa wkoll players oħra bħal Joao Felix u Diogo Jota li se jagħmlu minn kollox sabiex jirbħu posthom fil-formazzjoni inizjali.

Iżda Martinez se jkollu jgħaddi min­għajr id-difensur xellugi Raphael Guerrero ta’ Bayern Munich u Otavio ta’ Al Nassr li weġġgħu qabel dan it-tournament u għaldaqstant tħallew barra mill-iskwadra.

Il-Portugiżi jibdew l-avventura tagħhom b’moral għoli hekk kif fil-fażi ta’ kwali­fikazzjoni huma rebħu l-10 partiti biex spiċċaw fl-ewwel post ta’ Grupp J b’punti massimi.

Min-naħa taċ-Ċeki, dawn spiċċaw fit-tieni post, b’punti daqs l-Albanija iżda b’differenza ta’ goals inferjuri.

Bħala parti mill-preparazzjoni għal din il-fażi finali, iċ-Ċeki lagħbu sensiela ta’ partiti ta’ ħbiberija li waħda minnhom kienet proprju kontra Malta li fiha ħarġu rebbieħa bl-iskor ta’ 7-1.

Player importanti li kellu jirtira mill-iskwadra huwa l-captain, Michal Sadilek, li sofra injury waqt li kien fuq ir-rota biex il-faxxa ta’ captain issa se tingħadda lil Tomas Soucek.

Min-naħa l-oħra, Ronaldo mistenni li jkompli jikser ir-rekords hekk kif din se tkun is-sitt parteċipazzjoni f’Kampjonat Ewropew wara li għamel dan fl-2004, fl-2008, fl-2012, fl-2016 u fl-2021.

Iż-żewġ timijiet iltaqgħu tliet darbiet oħra f’fażi finali tal-Kampjonat Ewropew fejn iċ-Ċeki rebħu l-konfront fl-1996, bil- Portugiż jirrisponu b’rebħiet fl-edizzjoni­jiet tal-2008 u l-2012.

Dan il-konfront se jintlagħab f’Leipzig Stadium, fil-belt ta’ Leipzig.

Ekonomija

Sport