Meta l-Ħadd intlagħab l-ewwel programm tat-tmien ġurnata tar-round ta’ kwalifikazzjoni tal-Euro 2024, Spanja, Skozja u t-Turkija, ingħaqdu ma’ Franza, Belġju u l-Portugall, flimkien mal-pajjiż ospitu l-Ġermanja, għall-fażi finali ta’ din l-edizzjoni għal total ta’ seba’ timijiet s’issa.
Grupp A – Spanja marru n-Norveġja u ħarġu rebbieħa bl-iskor ta’ 1-0 bil-goal importanti jasal minn Gavi (47). Grazzi għal din ir-rebħa, Skozja kkwalifikaw ukoll hekk kif ma jistgħux jintlaħqu mill-istess Norveġiżi.
Georgia ospitaw lil Ċipru u rreġistraw rebħa kbira meta għelbuhom bl-iskor ta’ 4-0. L-iskorers kienu Otari Kiteishvili (46), Khvicha Kvaratskhelia (58), Levan Shengelia (82) u Georges Mikautadze (93 pen).
Din kienet is-seba’ telfa għal Ċipru minn daqstant partiti.
Grupp D – It-Turkija għelbu lil Latvja 4-0 liema rebħa rathom jikkwalifikaw għall-fażi finali, b’goals min Yunus Akgun (58), Cenk Tosun (83, 92) u Muhammed Kerem Akturkoglu (87).
Wales għelbu lill-Kroazja bl-iskor ta’ 2-1 permezz ta’ doppjett ta’ Harry Wilson (47, 60). Mario Pasalic (76) naqqas il-marġni tal-iskor għall-Kroati.
Grupp E – Ir-Repubblika Ċeka rritornaw għar-rebħ iżda kellhom jitħabtu biex għelbu lil Faroe Islands bl-iskor minimu ta’ 1-0, bl-uniku goal tal-partita jasal minn penalty mogħti minn Tomas Soucek (76).
Il-Polonja laqgħu lil Moldova u setgħu biss jispiċċaw fi draw ta’ 1-1. Kien Ion Nicolaescu (26) li fetaħ l-iskor għall-viżitaturi iżda Karol Swiderski (53) salva r-rizultat għall-Pollakki.
Grupp I – F’konfront mill-aktar pjaċevoli, l-Isvizzera u l-Belarus temmew fi draw ta’ 3-3. Kien Xherdan Shaqiri (28) li fetaħ l-iskor għall-Isvizzeri iżda l-Belarus wieġbu bi tliet goals ta’ Max Ebong (61), Denis Polyakov (69) u Dmitri Antilevski (84). Madankollu Manuel Akanji (89) u Mohamed Amdouni (94) salvaw ir-riżultat għat-team ospitu.