Friday, July 19, 2024

Euro 2024 K/finali: Konfront klassiku bejn Spanja u l-Ġermanja

Aqra wkoll

Illum u għada jintagħbu l-erba’ kwarti-finali tal-Euro 2024, bl-aktar waħda li tispikka, bla dubju, hija dik tal-lum bejn Spanja u l-Ġermanja, li s’issa wrew l-aħjar logħob u għaldaqstant kienet aktar denja li tkun il-finali ta’ dan it-tournament.

Is-semi-finali l-oħra tal-lum tkun dik bejn il-Portugall u Franza, bil-Franċiżi jibdew kemmxejn favoriti. 

SPANJA v ĠERMANJA – 6.00 pm

Dan il-konfront se jlaqqa’ żewġ ġganti tal-football Ewropew u hija ħasra li se jiltaqgħu f’dan l-istadju.

Spanja jippruvaw iżommu r-rekord massimu hekk kif huma l-uniku team li rebaħ l-erba’ partiti. 

It-team immexxi mill-coach, Luis de la Fuente, kien l-iktar wieħed konsistenti s’issa f’dan it-tournament, hekk kif warrab il-furja tal-Italja (1-0), l-Albanija (1-0) u l-Kroazja (3-0), fil-Fażi tal-Gruppi u dik ta’ Georgia fl-Aħħar 16.

Peró, dawn tal-aħħar kienu l-uniku team li rnexxielu jiskorja kontra l-Ispanjol għalkemm il-goal wasal minn auto-goal ta’ Norman Le Normand.

Kien goal li ħasad lill-Ispanjoli minħabba li sabu ruħhom minn taħt. Iżda għamlu rimonta kbira fejn skorjaw erba’ goals min­għajr risposta biex qatgħu l-passaġġ tagħ­hom mal-aħħar tmienja.

Ikklassifikata fit-tmien post fir- rankings tal-FIFA, illum Spanja se tilgħab kontra team li fl-aħħar sitt partiti qatt ma tilfet kontra tiegħu f’logħbiet kompetittivi … bi tliet reb­ħiet u tliet draws … bl-aħħar reb­ħa tal-Ġermanja tmur lura fis-17 ta’ Ġunju, 1988, bl-iskor ta’ 2-0, permezz ta’ doppjetta ta’ Rudi Voller.

U mbagħad l-akbar rebħa kompetittiva bejn iż-żewġ pajjiżi kienet dik Spanjola bl-iskor ta’ 6-0, fil- UEFA Nations League, nhar is-17 ta’ Novembru, 2020.

Min-naħa tagħhom, il-Ġermanja kellhom bidu tajjeb ħafna f’din il-fażi finali meta bdew b’rebħa kbira fuq l-Iskozja (5-1), għelbu lill-Ungerija (2-0) u mbagħad ġew miżmuma fi draw ta’ 1-1 minn Svizzera bil-Ġermaniżi jsalvaw il-logħba proprju fil-ħin miżjud minn Niklas Fullkrug (92).  

Imbagħad, fl-Aħħar 16 iffaċċjaw lid-Danimarka u ħarġu rebbieħa bl-iskor ta’ 2-0.

Dan il-konfront se jippreżenta dwell bejn żewġ players żgħażagħ li qed jispikkaw għat-team tagħhom – Nico Williams għal Spanja u Jamal Musiala għall-Ġermanja.

Il-coach Spanjol mistenni jutilizza l-istess formazzjoni li ħarġet rebbieħa fuq il-Georgia. L-aħbar it-tajba hija li Nacho Fernandez irkupra minn injury f’siequ biex se jkun għad-dispożizzjoni. Peró, mhux mistenni li jkun mal-ewwel 11.

Il-Ġermanja se jkunu msaħħa bir-ritorn tad-difensur, Jonathan Tah, minn sospensjoni.

Il-coach, Julian Naglesmann, għan­du żewġ għażliet fuq in-naħa xellugija – id-difensur Maximilian Mittelstadt jista’ jieħu post David Raum filwaqt li Florian Wirtz jista’ jiġi preferut minn Leroy Sane. 

Ir-rebbieħ ta’ din il-partita jilgħab kontra rebbieħ  bejn il-Portugall u Franza.

Il-logħba se tintlagħab fl-MHP Arena, fil-belt ta’ Stuttgart.

PORTUGALL v FRANZA – 9.00 pm

Il-Portugall jaffrontaw lil Franza b’dawn tal-aħħar jibdew favoriti iżda l-Portugiżi għandhom materjal biżżejjed biex joħorġu rebbieħa.

Fil-Fażi tal-Gruppi, il-Portugiżi bdew b’żewġ rebħiet kontra r-Repubblika Ċeka (2-1) u t-Turkija (3-0) iżda mbagħad ġew megħluba minn Georgia (2-0).

Fl-Aħħar 16, huma kellhom imor­ru għall-għoti tal-penalties biex għelbu lis-Slovenja 3-0 bl-għoti tal-penalties wara li temmew fi draw ta’ mingħajr goals.

Bla dubju, l-eroj tagħhom kien il-goalkeeper, Diogo Costa, li salva t-tliet penalties mogħtija mis-Slo­veni.

Peró jekk Costa kien l-eroj, mhux daqstant jista’ jingħad għal Cristiano Ronaldo li minbarra li falla pe­nalty, qed jidher li l-aħjar tiegħu għadda u jkun aħjar għall-Portugall li jilagħbu mingħajru minħabba l-preżenza tiegħu qed tikkundiz­zjoni lill-players sħabu.

Infatti għadu qed ifittex l-ewwel goal tiegħu wara li ndirizza 20 xutt lejn il-lasti avversarji. 

Franza setgħu kienu aħjar f’dan it-tournament hekk kif għadhom ma laħqux il-forma solita tagħhom.

Fil-Fażi tal-Gruppi huma spiċċaw fit-tieni post ta’ Grupp D.

Huma għelbu lill-Awstrija (1-0) iżda ġew miżmuma darbtejn mill- Olanda (0-0) u mill-Polonja (1-1).

Fl-aħħar 16 huma kisbu rebħa minima ta’ 1-0 fuq il-Belġju.

Ineressanti huwa l-fatt li t-tliet goals li skorjaw il-Franċiżi waslu minn żewġ auto-goals u minn pe­nal­ty. Dan ifisser li għadhom iridu jiskorjaw minn azzjoni.

L-uniku player sospiż huwa l-midfielder Franċiż, Adrien Ra­biot, filwaqt li Kingsley Coman jits­ta’ jkun nieqes minħabba t-twelid tat-tarbija tiegħu.

Il-logħba se tintlagħab fil-Volks­parkstadion, fil-belt ta’ Hamburg.

Ekonomija

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport