Saturday, July 20, 2024

Euro 2024: L-Ingilterra jkomplu jiddiżappuntaw

Aqra wkoll

Danimarka …. 1

Ingilterra ……..1

Hija ħaġa normali li f’dan il-livell ta’ football, l-Ingilterra jiddiżappuntaw tournament wara ieħor. U l-bieraħ ma kienet l-ebda eċċezzjoni meta setgħu biss jispiċċaw fi draw ta’ 1-1 kontra d-Danimarka li dehru aktar friski u determinati. Min-naħa tagħhom, l-Ingliżi dehru konfużi u mingħajr ideat. 

L-ewwel attakk wasal minnhom fit-13-il minuta meta Kyle Walker żmarka lil Phil Foden li daħal fil-kaxxa iżda x-xutt angolat spiċċa għoli. Ħames minuti wara, l-Ingliżi fetħu l-iskor meta Wal­ker kien eħfef minn Victor Kristiansen biex seraq il-ballun, daħal fil-kaxxa u xeħet cross fil-baxx li b’devjazzjoni ġie f’saqajn HARRY KANE li bil-kalma kollha ddepożita l-ballun fix-xibka. 

Wara dan il-goal, l-Ingliżi rtiraw lura biex ippermettew lid-Daniżi jieħdu l-kontroll ta’ nofs il-ground, żiedu l-pres­sjoni u ma kienet l-ebda sorpriża li kisbu d-draw … bi ġmiel ta’ goal li wasal fl-34 minuta minn xutt ta’ Morten Hjulmand  minn 35 metru bogħod.

Bid-Daniżi jilagħbu ċ-ċess bl-Ingliżi, fit-43 minuta, Pierre-Emile Hojbjerg, fajjar xutt minn barra l-kaxxa iżda sab lill-goalkeeper, Jordan Pickford, attent.

Fit-52 minuta, Bukayo Saka kien għoddu skorja għall-Ingilterra meta minn azzjoni mejta qabbeż il-ballun bir-ras minn fuq il-goalkeeper, Kasper Schmeichel, iżda l-ballun spiċċa fuq ix-xibka. U tliet minuti wara, Phil Foden ra t-tentattiv tiegħu minn barra l-kaxxa jaħbat ma’ sieq il-lasta.

Fit-85 minuta,  id-Daniżi kienu għoddhom skorjaw il-goal tar-rebħa meta Jude Bellingham tilef il-ballun u minn tarf il-kaxxa Hojbjerg ipprova jipplejsja l-ballun fir-rokna tas-saqaf tax-xibka … iżda ntemm barra.

Ekonomija

Sport