Sunday, November 24, 2024

Euro 2024: L-Ingilterra se jaffrontaw lil Spanja fil-finali

Aqra wkoll

OLANDA…………… 1

INGILTERRA…….. 2

L-Ingilterra kkwalifikaw għat-tieni finali nfila tal-Euros meta fis-semi-finali għelbu lill-Olanda bl-iskor ta’ 2-1 biex issa jaffrontaw lil Spanja li s’issa rebħu l-partita kollha tagħhom.

L-eroj tal-Ingliżi, kien bla dubju s-sostitut Ollie Watkins li skorja l-goal tar-reb­ħa fl-aħjar ħin tal-logħba … eżatt kif beda jgħodd il-ħin miżjud.

Il-partita kellha żewġ uċuh. L-ewwel taqsima kie­net movimentata, tant, li setgħu ġew skorjati ħames goals. Iżda wara l-mistrieħ il-logħob kien wisq strett hekk kif l-Olandiżi għażlu li jagħlqu l-ispazji u joperaw bil-kontrattakki.

Kienu l-Olanda li fetħu l-iskor, fis-seba’ minuta, proprju fl-ewwel  attakk denju, meta XAVI SIMONS seraq il-ballun lil Declan Rice fi tliet kwarti ta’ ground u venven kanunata li ma l-ebda ċans lill-goalkeeper, Jordan Pickford, isalva.

L-Ingliż għamlu reazzjoni mmedjata u kien il-goalkeeper Olandiż, Bart Verbruggen, li salva fuq xutt ta’ Harry Kane … u fil-15-il minuta, l-istess Kane rebaħ penalty meta waqt li kien qed jindirizza l-ballun lejn il-lasti avversarji, Denzel Dumfries għolla siequ u laqat lill-attakkant Ingliż li spiċċa mal-art.

Il-penalty, li kien wieħed dubjuż, ingħata wara l-intervent tal-VAR.

Mill-11-il metru, HARRY KANE xeħet fir-rokna tax-xib­ka bil-goalkeeper Olan­diż kien ferm viċin li jsalva.

Fit-23 minuta, Dumfries patta għall-iżball meta salva goal ċert hekk kif  Phil Fo­den għeleb lil Verbruggen  u bl-għajta tal-goal, id-difensur Olandiż litteralment waq­qaf il-ballun fuq il-linja fatali.

Fit-30 minuta, Dumfries reġa’ kien il-protagonista me­ta minn azzjoni ta’ corner għola fuq kulħadd iżda d-daqqa ta’ ras tiegħu ġiet imċaħħda mill-mimduda.

U żewġ minuti wara, Fo­den kellu r-risposta meta minn tliet kwarti ta’ ground għeleb lil Verbruggen iżda ġie mwaqqaf mill-wieqfa.

Fit-38 minuta, Foden irċieva mingħand Kobbie Mainoo, u f’tarf il-kaxxa għamel finta biex ħoloq l-ispazju għalih innifsu u b’xutt lejn ir-rokna tax-xibka ġie­għel lil Verbruggen iwettaq save brillanti.

Fit-tieni taqsima kellna nistennew sal-64 minuta me­­ta Pickford salva fuq Virgil van Dijk billi dawwar f’corner.

Fid-79 minuta, l-Ingliżi ħasbu li skorjaw il-goal tar-rebħa minn Bukayo Saka iżda fil-proċess tal-azzjoni, Kyle Walker kien f’pożizzjoni millimetrika ta’ offside.

Peró, eżatt kif qabeż il-ħin normali, it-Three Lions skorjaw il-goal tar-rebħa permezz tas-sostitut OLLIE WATKINS meta rċieva l-ballun mingħand Walker, dar ma’ Stefan de Vrij u minn pożizzjoni ferm angolata ħasad għal kollox lil Verbruggen u xeħet il-ballun fir-rokna tax-xibka fost id- dellirju tal-partitarji Ingliżi.    

Sport