Friday, July 19, 2024

PASS IEĦOR MILL-GWU LI JIRRIFLETTI L-BŻONNIJIET TAL-MEMBRI

Aqra wkoll

Il-General Workers’ Union bħala għaqda tal-ħaddiema sa mit-twelid tagħha kienet protagonista fl-avvanzi li għamel il-ħaddiem Malti matul is-snin. Dan urietu b’diversi modi mhux biss fin-negozjar kollettiv biex ittejjeb il-kundizzjonijiet tal-ħaddiema fuq il-postijiet tax-xogħol imma anke lil hinn minnu. 

Fil-fatt, il-GWU kienet l-ewwel organizzazzjoni f’Malta li ma ddistingwietx fil-pagi u ħallset pagi ndaqs lill-impjegati nisa u rġiel tagħha. Maż-żmien ukoll kompliet tifrex il-ħidma tagħha anke fil-qasam edukattiv bil-korsijiet li minn żmien għal żmien toffri biex ittejjeb il-ħiliet tal-ħaddiema.

Mhux dan biss imma anka ħasbet ukoll fil-familji tal-membri tagħha. Dan għamlitu permezz ta’ bosta inizjattivi u inċentivi li mhumiex parti mir-relazzjonijiet industrijali, saħansitra t-Tlieta li għadda meta ġie varat benefiċċju ieħor li jikkonsisti f’sistema ta’ debit card iddisinjata biex tkabbar l-aċċess bażiku għas-servizzi bankarji siguri b’mod aktar faċli u mgħaġġel. B’din id-debit card, wieħed jista’ jgawdi minn aktar konvenjenza, flessibilità u kontroll finanzjarju filwaqt li jgawdi minn diversi vantaġġi esklussivi mfassla għall-membri tal-unjin. 

Fil-fehma tagħna, it-tnedija ta’ din l-inizjattiva tirrappreżenta pass sinjifikanti fl-impenn kontinwu tal-union fejn jidħol il-ħarsien tal-benesseri tal-membri. Din tingħaqad ukoll mal-kullana ta’ benefiċċji dejjem jiżdiedu għall-membri tagħha.

Apparti minn hekk, il-GWU fil-ħidma tagħha dejjem tenfasizza wkoll dwar l-importanza tal-ħarsien tas-saħħa u l-ħajja tal-ħaddiema fuq kull post tax-xogħol. Għalhekk għandna għax nifhmu li hi wkoll sodisfatta bil-liġi l-ġdida tal-OHSA li kienet diskussa fil-Parlament fil-jiem illi għaddew.

Din hi l-unjin f’pajjiż li kontinwament qiegħed jinbidel, fejn l-isfidi tal-ħaddiema qegħdin jinbidlu u f’dinja li qiegħda ssir aktar diġitali, aktar dinamika u veloċi fit-tranżazzjonijiet u l-komunikazzjonijiet tagħha. Għalhekk nemmnu li dan huwa pass ieħor minn bosta li qiegħda tagħmel il-GWU biex tibqa’ rilevanti fis-soċjetà tal-lum u biex il-ħaddiema tagħha jkollhom kwalità ta’ ħajja aħjar. 

Ekonomija

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport