Saturday, November 9, 2024

Euro 2024: L-Ukrajna “misruqa” fl-azzjoni tal-penalty kontra l-Italja?

Aqra wkoll

L-Italja qatgħu l-passaġġ tagħhom għall-Euro 2024 hekk kif fl-istadium newtrali ta’ Bay Arena ta’ Bayer Leverkusen, huma spiċċaw fi draw ta’ mingħajr goals kontra l-Ukrajna, b’dawn tal-aħħar riedu rebħa biex jirbħu d-dritt li jikkwalifikaw għall-fażi finali. 

Iżda kienu sekondi ‘l bogħod milli jagħmlu dan minħabba li fil-95 minuta ġew imċaħħda minn dak li deher penalty ċar fost il-protesti qawwija mill-kamp Ukren. 

Il-coach tal-Ukrajna Serhiy Rebrov kien estremament irrabjat meta mistoqsi dwar is-sejħa tal-penalty fl-aħħar mumenti tal-logħba. 

“Ħsibt li kien penalty, iżda r-referee u l-VAR ma ħasbuhiex l-istess,” huwa qal.

Meta kulħadd kien qed jistenna s-suffara finali, proprju fl-aħħar azzjoni tal-logħba, fil-95 minuta, id-difensur Taljan,  Bryan Cristante, deher jagħmel kuntatt fuq l-għaksa ta’ Mykhailo Mudryk, bir-referee Jesus Gil Manzano jxejjer il-logħob u l-VAR jiddeċiedi li ma jintervjenix u ħadd minnhom ma ried jara xi forma ta’ replay. 

Fil-konferenza stampa ta’ wara l-logħba, din l-azzjoni kienet fuq fomm kull ġurnalist, b’Rebrov iwieġeb: “Ħsibt li kien penalty, iżda kien hemm ir-referee u l-VAR  … mhux aħna  niddeċiedu. Ir-referee ma ġiex imsejjaħ biex jivverifika l-filmati,” tenna l-coach.

“Fil-fehma tiegħi, kien penalty ċar. Il-VAR ma qiesx li kien opportun li jsejjaħ lir-referee għal din l-azzjoni.

“Kulħadd ra l-azzjoni … u nħalli lil kulħadd jiddeċiedi hu …” temm jgħid Rebrov

Sport