Monday, May 13, 2024

Bayer Leverkusen mhux se jostakolaw lill-coach Alonso jekk irid jitlaq

Aqra wkoll

Jekk Xabi Alonso jrid iħalli lil Bayer Leverkusen għada biex jiffirma ma’ Real Madrid, Liverpool jew xi club ieħor, il-bord jippermettilu jagħmel dan. Hekk spjega d-direttur ġene­rali tal-club Ġermaniż, Fernando Carro, li bi ħsiebu jagħmel fil-prinċipju.

Mistoqsi direttament jekk hemmx dik il-klawsola famuża li tippermetti lill-coach Spanjol jitlaq jekk jirċievi offerta minn San­tiago Bernabeu jew minn Anfield, huwa wieġeb: “Le, imma m’għandekx bżonn klawsola. Għandna relazzjoni tajba ħafna ħafna ma’ Xabi u jaf li aħna club serju.

“U fl-aħħar mill-aħħar m’aħniex se nisfurzaw lil xi ħadd joqgħod jekk ma jridx jibqa’. Irridu li jħossu daqshekk ferħan u daqshekk tajjeb magħna li tassew irid jibqa’ biss u dan hu l-objettiv tagħna,” qal Carro.

“M’hemm xejn fuq il-karta. Imma kul­tant ftehim li mhux fuq il-karta huwa ftehim ukoll. Nafu jekk ikollu bżonn jagħmel mossa fil-futur inkunu nistgħu nitkellmu ma’ xulxin. U nittama li ma jkollniex bżonn nagħmlu dan għax jekk jibqa’ se jkun kuntent f’Leverkusen,” kompla jgħid. 

Jagħmel sens li l-club ta’ Bayer jżomm lil Alonso fi stima daqshekk għolja, hekk kif fil-Bundesliga, irnexxielu jpoġġi lit-team tie­għu fl-ewwel post fuq Bayern Munich li normalment jiddominaw kull staġun. 

Fil-club ta’ Real Madrid, ismu qed jixxandar ta’ sikwit għax, l-aħbar li l-coach tat-team tal-belt kapitali Spanjola, Carlo Ancelotti, li jmur imexxi lit-team nazzjonali Brażiljan qed taqbad il-momentum. 

Aktar minn hekk, il-media Brażiljana qed tirrapporta li l-kuntratt ta’ Ancelotti mal-FA Brażiljana huwa diġá ffirmat. 

Sport