It-team nazzjonali Malti, immexxi mill-coach Taljan, Michele Marcolini, it-Tlieta jilgħab is-seba’ logħba minn Grupp C, valida mir-round ta’ kwalfikazzjoni tal-Euro 2024, meta fl-Istadium Nazzjonali jaffronta lill-Ukrajna.
Bħalissa l-moral tal-Maltin huwa kemmxejn baxx hekk kif ġejjin minn telfa kbira kontra l-Italja, bl-iskor ta’ 4-0, li ntlagħbet nhar is-Sibt li għadda, fi Stadio San Nicola ta’ Bari.
Minbarra dan l-iskor, anke l-wirja kienet waħda diżappuntanti fejn il-goalkeeper Taljan, Gianluigi Donnarumma, rari ġie mpenjat, tant, li ma kellux xutt wieħed indirizzat lejh. Min-naħa l-oħra, kien hemm goals li setgħu ġew evitati għall-fatt li l-Maltin ikkommettew bosta żbalji fid-difiża li minnhom it-Taljani approfittaw.
Għaldaqsant, Marcolini jrid jagħraf kif jgħolli l-moral u jirriorganizza lill-players tiegħu.
L-avversarji tal-lum huma l-Ukrajna … team li għalih xejn għajr minn rebħa ma tissodisfa l-kriterji tiegħu biex jibqgħu fit-taqtiegħa għat-tieni post.
Filwaqt li jkunu mpenjati kontra Malta, f’dak il-ħin stess l-Ukreni jkunu qed isegwu b’importanza kbira il-konfront bejn l-Ingilterra u l-Italja fejn jittamaw li t-Three Lions joħorġu rebbieħa.
L-Ukreni ġejjin minn rebħa ta’ 2-0 kontra l-Maċedonja f’partita li kienet ikkunsidrata bħala deċiżiva għal min se jibqa’ jissielet għall-kwalifikazzjoni.
Jekk illum l-Italja jiġu megħluba u l-Ukreni jirbħu kontra Malta, l-istess Ukreni jidħlu biċ-ċans li jtemmu fit-tieni post wara l-Ingilterra.
Min-naħa tal-Maltin, filwaqt li d-difensur, Steve Borg, jirritorna minn sospensjoni, il-midfielder Teddy Teuma u l-attakkant Jodi Felice Jones, jinsabu dubjużi.
L-objettiv tal-Maltin huwa li niksbu l-ewwel punt hekk kif fis-sitt partiti preċedenti skorjajna goal wieħed biss u sofrejna 15.
Dan huwa t-tieni konfront kontra l-Ukrajna f’din l-edizzjoni wara li fid-19 ta’ Ġunju li għadda, fil-belt Slovakka ta’ Trnava, l-avversarji kienu ħarġu rebbieħa bl-iskor ta’ 1-0 permezz ta’ penalty skorjat minn Viktor Tsyhankov.
Intant, fil-konferenza tal-aħbarijiet li ndirizza Marcolini, wieħed mill-aspetti notevoli enfasizzati kien il-formazzjoni tal-Ukrajna f’dan ir-round. Huwa rrimarka li, bl-eċċezzjoni tal-aħħar logħba tagħhom kontra l-Maċedonja, l-Ukreni kienu qed jutilizzaw l-istess formazzjoni b’mod konsistenti. Dan jissuġġerixxi li l-Ukrajna stabbiliet stil ta’ logħob definit tajjeb li Malta se jkollha tiffaċċja.
Marcolini irrikonoxxa li s-sitwazzjoni evolviet mill-partita preċedenti ta’ Malta kontra l-Ukrajna fis-Slovakkja. F’dak il-perjodu, il-coach Ukren, Serhiy Rebrov, kien għadu kif ingħata r-responsabbiltá tat-team u għaldaqstant kien limitat biex jimplimenta t-tattiċi tiegħu.
Madankollu din id-darba, Marcolini qed jantiċipa sfida differenti, hekk kif il-coach tal-Ukrajna kellu aktar żmien biex jaddotta l-filosofija tiegħu. Dan jimplika li Malta teħtieġ tadatta għat-team Ukren potenzjalment trasformat.
Il-coach ta’ Malta esprima l-intenzjoni tiegħu li jagħmel xi tibdil fil-formazzjoni inizjali, u ssuġġerixxa li lest jesperimenta b’tattiċi ta’ players differenti. Huwa saħaq fuq l-importanza li se jitqiesu l-kundizzjonijiet fiżiċi u l-għejja tal-players, speċjalment dawk li lagħbu diversi logħbiet konsekuttivi.
Il-partita se tintwera diretta fuq TVMSport+, fid-8.45 pm.