Wednesday, July 24, 2024

Under 21: Illum Malta tilgħab kontra l-Iskozja

Aqra wkoll

It-team nazzjonali Malti ta’ Taħt il-21 sena, it-Tlieta jilgħab ir-raba’ logħba minn Grupp B tar-round ta’ kwalifikaz­zjoni tal-Kampjonat Ewropew meta f’Motherwell, jiffaċċja lill-Iskozja. 

It-team immexxi minn Ivan Woods ġej minn telfa ta’ 2-0 kontra l-Belġju liema partita ntlagħbet nhar il-Ġimgħa, f’ Tony Bezzina Stadium. 

Minkejja li l-Belġjani kellhom ħafna mill-pussess tal-ballun, il-Maltin  iddefendew bil-għaqal u bdew joperaw bil-kontrattakki fejn kellhom ukoll il-mumenti tagħhom. 

Madankollu, l-avversarji għarfu jsibu x-xibka tagħna darb­tejn fl-aħħar 20 minuta, bit-tieni goal jasal proprju fit-93 minuta.

Woods faħħar il-wirja tal-players Maltin billi qal: “Nhar il-Ġimgħa l-players  kellhom prestazzjoni mill-aqwa, kienu dixxiplinati, lagħbu fi sforz kollettiv b’attitudni pożittiva.

“Il-players kollha li keinu fl-azzjoni ma kinux imfixkla bil-kobor tal-isfida li kellhom jiffaċċjaw team qawwi ieħor bħall-Belġju.

“Ninsab kuntent bl-approċċ u l-livell ta’ prestazzjoni mill-players kollha. Hemm dettalji u sitwazzjonijiet li rridu ntejbu … dawk id-dettalji fl-aħħar mill-aħħar huma sinifikanti fil-għan tagħna li nsibu x-xibka  u niksbu l-punti.“

L-avversarji tagħna tal-lum jippossjedu players ta’ kwalità mill-aqwa fejn ġejjin minn rebħa ta’ 3-1 fuq l-Ungerija. Fost dawn jispikka l-winger veloċi Ben Doak li għandu biss 17-il sena u diġà ddebutta għal Liverpool u żgur li se jkun l-akbar theddida fl-attakk tagħhom.

Il-coach Malti sostna: “Aħna nafu li l-avversarji tagħna huma ferm diffiċli.  Il-football Skoċċiż jinsab fl-ogħla livell, it-team tal-kbar tagħhom għadu kif ikkwalifika għall-fażi finali tal-Euro 2024 u dawn iż-żgħażagħ żgur li se jkunu qed ifittxu li jagħmlu bħalhom.

“Min-naħa l-oħra, il-players tiegħi, iridu juru personalità, u m’għandhomx ikunu mbeżżgħin mill-avversarji tagħhom. Huma se jingħataw struzzjonijiet biex jimponu l-pjan tal-logħba tagħna, il-filosofija tagħna. Dan kollu jista’ jwassal għal żbalji, iżda żgur li se nkunu qed napplikaw l-istil tagħna,” temm jgħid Woods. 

Il-partita se tintlagħab f’Fir Park Stadium, f’Motherwell, u tibda fis-6.30 pm. 

Ekonomija

Sport