Hekk kif matul dawn is-sitt ijiem jintlagħbu s-seba’ u t-tmien ġranet tar-round ta’ kwalifikazzjoni tal-Euro 2024, sitt timijiet jinsabu viċin li jingħaqdu mal-pajjiż ospitu, il-Ġermanja, fil-fażi finali. Dawn huma Skozja, Franza, Ingilterra, Portugall, Awstrija u Belġju.
Minn Grupp A, Skozja għandhom bżonn punt wieħed biss biex jaqtgħu l-passaġġ tagħhom għar-raba’ darba fl-istorja.
Iżda huma għandhom impenn diffiċli meta fil-belt ta’ Sevilla huma jaffrontaw lil Spanja li jinsabu sitt punti wara l-Iskoċċiżi iżda lagħbu partita inqas.
It-Tartani jimmiraw li jirrepetu l-istess suċċess meta f’darhom kienu għelbu lill-Ispanjoli bl-iskor ta’ 2-0 li kienet ukoll it-tieni partita fir-responsabbiltá tal-coach il-ġdid, Luis de la Fuente.
Iżda minn dak in-nhar, l-Ispanjoli għamlu passi ta’ gġanti meta anke rebħu l-UEFA Nations League.
Barra minn hekk, f’din il- kompetizzjoni huma għelbu lil Georgia 7-1 barra minn darhom u lil Ċipru 6-0 f’darhom.
Għaldaqstant, l-Iskoċċiżi jridu jkunu fl-aqwa forma possibbli biex jilħqu l-objettiv tagħhom.
Fi Grupp B, Franza jospitaw lill-Olanda fejn jittamaw li l-attakkant ta’ Paris St-Germain, Kylian Mbappe, jerġa’ jsib il-forma tal-goals, konxji mill-fatt li rebħa tpoġġihom fil-fażi finali.
Huma se jilagħbu kontra team li għandu bosta players li qegħdin jirkupraw minn injury. Dawn huma, Frenkie de Jong, Matthijs de Ligt, Cody Gakpo u Memphis Depay.
Iżda l-fatt li l-Olandiżi se jilagħbu f’darhom jista’ jagħtihom vantaġġ psikoloġiku u morali hekk kif xejn għajr minn rebħa ma tissodisfa l-kriterji tagħhom minħabba li jinsabu fit-tieni post mal-Ġreċja, b’dawn tal- aħħar għandhom differenza ta’ goals aħjar.
Bla dubju, Grupp C huwa l-aktar wieħed għalina l-Maltin. Dan minħabba li dan il-grupp jinkludi wkoll lill-Ingilterra u lill-Italja.
Infatti, nhar is-Sibt li ġej, il-Maltin se jiffaċċjaw lill-Azzurri f’Bari.
Imbagħad, nhar it-Tlieta tintlagħab il-partitissima bejn l-Ingilterra u l-Italja, f’Wembley Stadium.
It-Three Lions jimmiraw li jagħmlu double meta fl-aħħar konfront, li ntlagħab f’Stadio Diego Armando Maradona f’Marzu li għadda, kienu ħarġu rebbieħa bl-iskor ta’ 2-1.
Għal din il-partita, l-Ingliżi se jkunu mingħajr Bukayo Saka filwaqt li Federico Chiesa u Giovanni Di Lorenzo huma dubjużi minħabba li, minkejja jinsabu fl-iskwadra, huma ma kienu parti mit-taħriġ minħabba fastidju muskolari.
Kien hemm antiċipazzjoni li dawn iż-żewġ timijiet kienu l-aktar favoriti li jikkwalifikaw.
Iżda t-Taljani kellhom riżultati kemmxejn strambi, tant, li jistgħu jintlaħqu mill-Ukrajna u mill-Maċedonja li proprju għada stess se jilagħbu kontra xulxin.
Il-Maċedonja jimmiraw għall-ewwel rebħa meta fl- erba’ konfronti kompetittivi ta’ bejniethom, l-Ukreni dejjem ħarġu rebbieħa.
Grupp F huwa ddominat mill-Belġju u l-Awstrija li jinsabu fl-ewwel post, b’vantaġġ ta’ seba’ punti fuq l-Isvezja.
Proprju għada se jilagħbu kontra xulxin bir-rebbieħ jaċċerta postu fil-fażi finali. Min-naħa l-oħra, it-team tellief ikollu jistenna wkoll l-eżitu ta’ Svezja.
Minn Grupp J, il-Portugall jiksbu l-kwalifikazzjoni jekk huma jegħlbu lis-Slovakkja filwaqt li l-Lussemburgu jonqsu li jegħlbu lill-Islanda.
F’każ li l-Portugiżi joħorġu rebbieħa u l-Lussemburgu jiksbu t-tliet punti, huma jkun jonqoshom punt wieħed biss biex jaċċertaw mill-kwalifikazzjoni.
L-attenzjoni fi Grupp D, tkun fuq il-partita bejn il-Kroazja u t-Turkija li se tintlagħab, f’Osijek.
Iż-żewġ timijiet jinsabu jillidjaw dan il-grupp, bil-Kroati jkollhom differenza ta’ goals aħjar kif ukoll iridu jirkupraw partita.
Barra minn hekk, din hija l-ewwel partita tal-coach, Vincenzo Montella, fir-responsabbiltá tat-team Tork.
Grupp E, għadu miftuħ beraħ bir-Repubblika Ċeka għandhom iċ-ċans li jispiċċaw fl-ewwel post hekk kif lagħbu partita inqas.
Huma se jkunu mpenjati barra minn darhom, f’konfront kruċjali kontra l-Albanija.
Rebħa għaċ-Ċeki tarahom jaqbżu lill-istess Albanija fil-quċċata.
It-tliet gruppi l-oħra, dawk G, H u I, huwa miftuħin beraħ u jidher li kollox se jiġi deċiż fl-aħħar programm ta’ dan ir-round.
Dan minħabba li t-timijiet li qed jillidjaw il-klassifiki rispettivi u dawk li jinsabu fit-tielet postijiet, id-differenza ta’ punti hija dik ta’ tlieta u saħansitra inqas.
It-taqtiegħa ta’ Grupp G hija bejn l-Ungerija, Serbja u Montenegro.
Grupp H huwa l-aktar interessanti meta hemm punt wieħed biss li qed jifred lill-erba’ timijiet ta’ Slovenja, Danimarka, Finlandja u Kazakhstan.
It-taqtiegħa bi Grupp I hija bejn Svizzera, Rumanija u Iżrael.