Tuesday, December 24, 2024

Euro 2024: Sorpriża kbira mis-Slovakkja

Aqra wkoll

Belġju ………..0

Slovakkja ……1

Slovakkja rreġistraw is-sorpriża ta’ dan it-tournament meta kontra kull mistenni għelbu lill-Belġju bl-iskor ta’ 1-0.

Din il-partita kellha bidu qawwi meta wara biss żewġ minuti, il-goalkeeper tas-Slovakkja, Martin Dubravka, wettaq save kbir fuq xutt ta’ Romelu Lukaku minn taħt il-lasti. Tliet minuti wara, l-istess Dubravka reġa’ salva fuq Lukaku.

Peró, fis-seba’ minuta, kienu s-Slovakki li fetħu l-iskor li pjuttost kien rigal mill-Belġjani li pprovaw itellgħu l-ballun minn wara. Jeremy Doku kkommetta żball li minnu approfitta Juraj Kucka iżda x-xutt tiegħu ġie salvat parzjalment mill-goalkeeper, Koen Casteels, bil-ballun jasal għand Ivan Schranz li mir-rebound ma żbaljax.

Fit-23 minuta, il-Belġjani setgħu għamlu aħjar meta Kevin De Bruyne għadda lejn Leandro Trossard li minflok fetaħ fuq Doku li kien żmarkat jistenna l-ballun, ipprova jittanta xortih iżda falla kompletament il-mira.

Fit-42 minuta, Casteels żamm lil sħabu fil-partita meta    nxteħet minn tulu biex salva l-volley ta’ Lukas Haraslin. Fuq in-naħa l-oħra, Lukaku ġie waħdu mill-cross ta’ Yannick Carrasco, iżda b’David Hancko warajh naqas li jikkontrolla biex iċ-ċans intilef.

Fis-56 minuta, il-Belġjani ħasbu li skorjaw minn daqqa ta’ ras ta’ Lukaku iżda l-VAR iġġudika li kien f’pożizzjoni ta’ offside. Fit-63 minuta, wasal l-aħjar ċans tal-Belġju meta minn tarf il-kaxxa ż-żgħira, Johan Bakayoko, ra lil Hanko jsalva t-tentattiv tiegħu minn fuq il-linja fatali.

Aktar minn hekk, il-partita kellha tmiem drammatiku meta, fis-86 minuta, għat-tieni darba Lukaku kellu goal imħassar din id-darba għal handsball ta’ Lois Openda li ta l-assist lill-attakkant Belġjan.

Referee: Umut Meler (Turkija)

Ekonomija

Sport