Luciano Spalletti jammetti li se jkun ‘diffiċli’ li ma jsejjaħx lil Gianluca Scamacca għall-Euro 2024 u jinsisti li l-attakkant ta’ Atalanta beda f’logħbiet ewlenin għall- Azzurri matul il-mandat tiegħu.
Scamacca ma ssejjaħx f’Marzu għal partiti ta’ ħbiberija internazzjonali kontra l-Venezwela u l-Ekwador, aktarx minħabba raġunijiet dixxiplinarji.
Madankollu, l-istilla ta’ Atalanta kien l-aktar attakkant Taljan prolifiku f’dawn l-aħħar xahrejn u, nhar it-Tlieta, Spalletti kkonferma li jkun diffiċli li ma jinkludix lill-player ta’ 25 sena fl-iskwadra tal-Azzurri fil-Ġermanja.
“Jekk dan huwa Scamacca, huwa diffiċli li ma ssejjaħlux. Kont jien li bdejtu f’logħbiet ewlenin qabel ma kkwalifikajna għall- Euro,” qal Spalletti.
Giacomo Raspadori beda sitt logħbiet taħt Spalletti filwaqt li Mateo Retegui skorja doppjetta fir-rebħa ta’ 2-1 fuq il-Venezwela inqas minn xahrejn ilu.
“Retegui wera li huwa player tajjeb u naf lil Raspadori tassew tajjeb,” qal Spalletti.
“Lorenzo Lucca qed jitjieb ukoll, u għandu potenzjal li jista’ jkompli jitjieb, għalhekk irridu nkunu lesti.”
Spalletti qal waqt l-istess intervista li 70%-80% tal-iskwadra tal-Italja diġà ġiet deċiża.
“Id-dubji huma dawk li għidt. Huwa dwar dak il-persentaġġ żgħir,” kompla t- tekniku Taljan.
“Irridu jkollna dubji sal-aħħar. F’xi każijiet, hemm messaġġi ċari dwar x’jistgħu joffru dawn il-players. Trid tarahom taħt pressjoni u ssolvi xi kwistjonijiet f’każijiet oħra. Hemm ambjent intern u estern u għandna bżonn it-tnejn li nagħmlu l-almu tagħna.”
Spalletti inħatar bħala l-coach tal-Italja f’Settembru 2023 u rebaħ ħames logħbiet minn tmienja, ġie draw darbtejn u tilef darba.
Scamacca skorja l-ewwel u l-uniku goal tal-Italja taħt l-eks coach ta’ Napoli fl-unika telfa tiegħu fit-tmexxija tal-Azzurri f’Wembley Stadium kontra l-Ingilterra.