Illum jintlagħbu l-aħħar żewġ partiti tal-Aħħar 16 tal-Euro 2024 biex ikollna kwadru komplet tal-kwarti-finali.
Iż-żewġ partiti tal-lum huma tant bilanċjati u miftuħa li jistgħu jmorru għall-għoti tal-penalties.
L-ewwel konfront ikun dak bejn ir-Rumanija u l-Olanda, segwit mill-Awstrija u t-Turkija.
RUMANIJA v OLANDA – 6.00 pm
Dan huwa konfront bejn ir-Rumanija, li mpressjonaw fl-ewwel fażi ta’ dan it-tournament, u l-Olanda li fil-veritá kien mistenni ħafna aktar minnhom.
Ir-Rumanija spiċċaw rebbieħa ta’ wieħed mill-iktar gruppi bilanċjati li kien jinkludi lill-Belġju, Slovakkja u l-Ukrajna.
Dawn l-erba’ timijiet spiċċaw b’erba’ punti kull wieħed bir-Rumeni jiksbu l-ewwel post minħabba differenza ta’ goals aħjar.
Huma kellhom bidu mill-aqwa meta għelbu lill-Ukrajna bl-iskor ta’ 3-0 … u wara t-telfa ta’ 2-0 kontra l-Belġju, huma ħadu punt kontra s-Slovenja fid-draw ta’ 1-1 biex spiċċaw fil-quċċata ta’ Grupp E.
It-team huwa mmexxi mill-coach, Edward Iordanescu, li wissa lill-players tiegħu biex ikomplu jgħollu l-livell tal-logħba minħabba li se jilagħbu kontra team qawwi mimli bi players b’talenti straordinarji.
Huwa jittama wkoll li ż-żewġ players li spikkaw fl-ewwel konfront kontra l-Ukrajna, jiġifieri, Ravzan Marin u Nicolas Stanciu jkunu fl-aqwa forma.
Ir-Rumeni qed jieħdu sehem fl-Aħħar 16 wara nuqqas ta’ 24 sena meta l-aħħar darba li għamlu dan kien fil-Euro 2000. Fiż-żewġ edizzjonijiet sussegwenti, dawk tal-2008 u tal-2016, huma sfaw eliminati mill-Fażi tal-Gruppi.
Min-naħa tal-Olanda, huma temmew fit-tielet post ta’ Grupp D u kkwalifikaw bħala wieħed mill-aqwa erba’ timijiet ikklassifikati f’din il-pożizzjoni.
It-team immexxi mill-coach, Ronald Koeman, kellu ftit minn kollox fejn wara r-rebħa ta’ 2-1 fuq il-Polonja, spiċċaw fi draw ta’ mingħajr goals kontra Franza filwaqt li sofrew telfa ta’ 3-2 kontra r-rebbieħa tal-grupp, l-Awstrija.
Koeman irid jagħraf kif jissoda d-difiża minħabba li dehret vulnerabbli f’bosta ħinijiet bil-konsegwenza li sofriet goals li setgħu ġew evitati.
Dan se jkun l-14-il konfront bejn dawn iż-żewġ timijiet, bl-Olandiżi jirbħu disa’ partiti, tliet logħbiet spiċċaw fi draw, bir-Rumeni jirbħu waħda biss.
Iż-żewġ timijiet mistennija jinżlu bl-aqwa formazzjoni possibbli, bl-Olandiżi jkunu msaħħa bir-ritorn ta’ Joshua Zirkzee li kellu l-influwenza.
Il-logħba se tintlagħab fl-Allianz Arena, fil-belt ta’ Munich.
AWSTRIJA v TURKIJA – 9.00 pm
L-Awstrija jittamaw li jkomplu bil-mument pożittiv tagħhom meta jiffaċċjaw sfida diffiċli mit-Turkija.
It-tea m immexxi mill-coach, Ralf Rangnick, spiċċa l-ewwel fi Grupp D quddiem Franza, l-Olanda u l-Polonja.
Wara telfa fil-logħba inawgurali kontra Franza bl-iskor ta’ 1-0, l-Awstrijaċi rkupraw b’żewġ rebħiet impressjonanti ta’ 3-1 kontra l-Polonja u 3-2 kontra l-Olanda.
Huma jinżlu għal din il-logħba b’moral għoli hekk kif jipprovaw jikkwalifikaw għall-ewwel kwarti-finali fl-istorja tal-Kampjonat Ewropew. Il-forma tajba li bħalissa għaddejin minnha tissuġerixxi li jistgħu jilħqu l-objettiv tagħhom meta rebħu 14 mill-aħħar 19-il partita u sfaw megħluba darbtjen biss.
Min-naħa tagħhom, it-Turkija kellhom fażi tal-gruppi sodisfaċenti meta kisbu sitt punti minn tliet logħbiet. Huma għelbu lil Georgia 3-1 u lir-Repubblika Ċeka 2-1, iżda tilfu kontra l-Portugall 3-0.
Players bħal Arda Guler, Hakan Calhanoglu u Cenk Tosun spikkaw filwaqt li niżżlu wkoll isimhom fuq il-lista tal-iskorers.
Il-coach Taljan, Vincenzo Montella, għandu għad-dispożizzjoni t-tieni l-iżgħar skwadra f’dan it-tournament u l-objettiv tiegħu huwa li jikkwalifikaw mal-aħħar erbgħa għalkemm hija xi ftit diffiċli biex jilħaq dan l-istadju. Peró fil-football kollox huwa possibbli.
Din hija meqjusa bħala partita miftuħa hekk kif iż-żewġ timijiet jilagħbu football offensiv.
Dawn iż-żewġ nazzjonijiet iltaqgħu 19-il darba bl-Awstrijaċi jinsabu fil-vantaġġ meta rebħu disgħa bit-Torok jirrispondu b’seba’ rebħiet filwaqt li logħba waħda spiċċat fi draw.
Iż-żewġ timijiet għandhom bosta players neqsin għax jinsabu sospiżi. L-Awstrijaċi għandhom lil Patrick Wimmer filwaqt li Torok għandhom lil Hakan Calhanoglu u Samet Akaydin … iżda Abdulkerim Bardakci jirritorna minn sospensjoni filwaqt li l-goalkeeper, Mert Gunok, huwa mweġġa’.
Il-partita se tintlagħab f’Leipzig Stadium.