Illum, it-team nazzjonali tan-Nisa jilgħab barra minn daru kontra l-Bonsja Herzegovina liema partita hija valida mir-round ta’ kwalifikazzjoni tal-Euro 2025.
Proprju, nhar il-Ġimgħa li għadda, iż-żewġ timijiet iltaqgħu fis-Centenary Stadium fejn il-Bosnjaċi ħarġu rebbieħa bl-iskor ta’ 1-0, bil-Maltin jiddiżappuntaw bil-kbir minħabba li ma laħqux il-livell mixtieq.
Il-coach, Manuela Tesse, esprimiet id- diżappunt tagħha bir-riżultat u bil-prestazzjoni fejn spjegat kif il-partita kienet tieħu direzzjoni differenti li kieku l-Maltin skorjaw minn ċans ideali ftit qabel mal-avversarji skorjaw l-uniku goal li ddeċieda l-partita.
Apparti l-vjaġġ strapazzuż li kellha l-iskwadra Maltija lejn il-belt ta’ Crkvicko, Tesse u l-istaff tekniku kellhom janalizzaw il-logħba ta’ nhar il-Ġimgħa li għadda biex jindirizzaw l-iżbalji min-naħa tat-team Malti li fil-veritá xejn ma kien għall-altezza tiegħu.
“Dejjem tkun diffiċli meta l-affarijiet ma jmorrux kif ippjanat, iżda l-intoppi jistgħu jwasslu wkoll għal opportunitajiet pożittivi u hekk qed nipprovaw nagħmlu.”
Patricia Ebejer, li ħadet post Janice Xuereb bejn il-lasti, kellha logħba pożittiva u wriet li hija goalkeeper ta’ fiduċja sħiħa u għaldaqstant tidher li se tkun il-goalkeeper tal-futur. Hija tnissel ukoll kunfidenza fl-erba’ difensuri ta’ quddiemha.
Tesse hija konxja ferm li l-partita tal-lum se tkun waħda diffiċli u l-pressjoni tinsab fuq il-players tagħha minħabba li jinsabu fil-qiegħ tal-klassifika u rebħa biss tista’ taċċertahom li jinqalgħu mill-aħħar post tal-klassifika.
Barra minn hekk, l-avversarji għandhom iċ-ċans li jissiġillaw it-tieni post fil-grupp li jkun ifisser li jiksbu ċ-ċans jilagħbu fil-playoffs tal-promozzjoni.
Tesse hija konvinta li l-players huma wkoll diżappuntati u għaldaqstant jridu jpattu għat-telfa ta’ nhar il-Ġimgħa li għadda.
Peró, minkejja li dan l-impenn huwa diffiċli, teżisti possibbiltá li l-Maltin jiksbu riżultat minħabba li l-avversarji tagħna mhumiex daqstant superjuri.
“Ninsabu f’sitwazzjoni li l-pressjoni tinsab fuq il-players tagħhom. Għaldaqstant dan huwa ċ-ċans għalihom biex juru r-reżiljenza tagħhom u jqumu għall-okkażjoni.”
Madankollu, Tesse stqarriet ukoll li wieħed irid ikun realistiku biex jifhem li kull riżultat ħlief rebħa, se jfisser li Malta se tkun relegata għal-League C.
Il-partita se tintlagħab fl-FF BH Training Ground, f’Zenica, u se tintwera diretta fuq TVMSport+.