Il-Portugall se jiltaqgħu kontra l-Italja fil-finali tal-Kampjonat Ewropej ta’ taħt id-19-il sena tal-UEFA 2023 illum il-Ħadd fid-9.00 pm, fl-Istadium Nazzjonali, f’Ta’ Qali.
Fis-semi-finali l-Portugall għelbu lin-Norveġja 5-1 waqt li l-Italja għelbu lil Spanja 3-2 b’goal fit-88 minuta.
L-Italja se tkun qed tittama li tilgħab fl-aqwa tagħha, iżda meta wieħed iqis il-prestazzjoni tas-Selecao s’issa fit-tournament, għandha tkun partita diffiċli iktar milli forsi qed jaħsbu wara li rebħu l-logħba ta’ bejniethom fil-grupp.
Iżda r-rebħa tal-Portugiżi kontra n-Norveġja bagħtet messaġġ qawwi li issa huma l-favoriti li jirbħu dan il-kampjonat.
Il-Portugall spiċċaw l-ewwel fi Grupp A b’rekord perfett fejn urew is-superjorità tagħhom fuq l-Italja li spiċċaw fit-tieni post wara r-rebħa kbira 5-1 fuq l-Azzurrini.
Il-logħba se tkun ripetizzjoni tal-finali tal-2003 meta l-Italja rebħu 2-0 f’Liechtenstein b’Giorgio Chiellini fit-team u fl-2018 kienu l-Portugall li ħarġu rebbieħa 4-3 wara l-ħin barrani fil-Finlandja. Għalhekk it- tnejn se jippruvaw jirbħu t-trofew għat-tieni darba.
Ir-rebħa tal-Portugall kompliet hekk kif żarmaw lin-Norveġja biex waslu sal-finali, filwaqt li l-coach Taljan, Alberto Bollini, ddeskriva bħala “emozzjoni kbira” hekk kif l-Italja għelbet lil Spanja f’logħba drammatiku fis-semi-finali l-oħra.
Il-finali se tara lit-timijiet jaffrontaw lil xulxin għat-tieni darba f’Malta, b’dak ta’ Joaquim Milheiro għamel xogħol ħafif meta fit-tieni ġurnata warrab għal kollox lill-Italja, għalkemm meta l-iskor kien 1-1 l-Italja kellhom ikomplu b’10 players għat-tieni taqsima kollha. Kienet “lezzjoni kbira,” stqarr Bollini.
Din se tkun il-ħames finali tal-Euro U/19 tal-Italja, filwaqt li l-Portugall qed jippreparaw għas-sitt darba tagħhom.
Minkejja li qed jiffaċċja lit-team tal-Italja b’“organizzazzjoni fantastika u players individwali ta’ kwalità għolja”, Milheiro jsostni li l-Portugall “m’għandhom x’jibżgħu”.
It-team tiegħu rebaħ l-erba’ logħbiet tagħhom u huma l-aqwa skorers tal-kompetizzjoni b’14-il goal. L-Italja skurjaw ħames goals inqas fit-tournament.
Il-captain tal-Portugall, Hugo Felix – li huwa ħu Joao Felix ta’ Atletico Madrid – huwa ċert li t-team tiegħu “mhux se jitlaq b’idejh vojta”, iżda l-momentum ġdid misjub mill- Italja se jkun biżżejjed biex jegħleb Portugall bla ħniena f’dan it-tieni konfront?