Friday, May 3, 2024

L-INKJESTA MAĠISTERJALI U S-SAĦĦA TAGĦHA LI TOĦROĠ IL-VERITÀ

Aqra wkoll

L-ebda inkjesta mhi għodda iżjed b’saħħitha minn Inkjesta Maġisterjali

Bħalissa żgur hawn ħafna li qed jippruvaw jiskopru x’inhi d-differenza bejn Inkjesta Maġisterjali u dik Pubblika. X’hemm differenti bejniethom? X’inhi l-agħa li hawn bħalissa dwar dwar l-inċident li wassal għal mewt ta’ Jean Paul Sofia, biex titnieda Inkjesta Pubblika minbarra dik Maġisterjali?

Nibdew billi ngħidu li jeżistu diversi inkjesti differenti, kull wieħed iservi għal skop xi ftit jew wisq differenti, u għandu setgħat leġiżlattivi jew ġudizzjarji differenti. L-Inkjesti Maġisterjali huma komuni ħafna hekk kif is-setgħat li għandu l-Maġistrat Inkwirenti fit-twettiq ta’ Inkjesta Maġisterjali huma mifruxa u huwa proċess kompletament indipendenti. 

L-iskop tagħhom huwa li tiġi stabbilita r-responsabbiltà kriminali, x’wassal biex isseħħ id-diżgrazzja u tiġi ppreservata l-evidenza għal aktar tard biex tintuża fil-prosekuzzjoni tar-reat. Skont il-Kodiċi titnieda Inkjesta Maġisterjali ladarba tasal talba mingħand il-Pulizija jew mingħand ċittadin privat.

L-Inkjesti Maġisterjali jsiru bil-bibien magħluqa u s-sejbiet tagħhom ġeneralment ma jsirux pubbliċi, madankollu l-qraba tal-vittma jipparteċipaw fil-proċess, kif għandhom dritt jagħmlu u jkollhom aċċess għall-proċess, inkluż l-inkjesta fl-intier tagħha. Minbarra hekk l-Avukat Ġenerali jista’ jagħżel li jippubblika l-konklużjonijiet, jekk jirċievi talba biex dan iseħħ u filwaqt li s-suppożizzjoni li Inkjesta Maġisterjali ma tistħarriġx nuqqasijiet amministrattivi tal-Istat hija purament gratwita, ma  hemm xejn li jipprojbixxi lill-Maġistrat milli jindika xi nuqqasijiet amministrattivi jew politiċi.

B’differenza, Inkjesta Pubblika hija inkjesta indipendenti, bil-persuni li jmexxu l-Inkjesta taħt l-Att dwar l-Inkjesti normalment ma jkunux membri tal-ġudikatura u għalhekk ma jgawdux mis-salvagwardji tal-indipendenza u l-imparzjalità tal-ġudikatura. Huma jaġixxu wkoll fuq bażi ta’ ‘termini ta’ referenza’ speċifiċi u mhux tal-liġi. Din hija tip ta’ inkjesta rari f’Malta, infatti fl-istorja ta’ Malta jissemmew biss li kien hawn żewġ Inkjesti Pubbliċi.

L-istadji kollha ta’ Inkjesta Pubblika ġeneralment isiru fil-pubbliku, inkluż ix-xhieda u l-ġbir tal-evidenza, bil-pubbliku jkun jista’ jattendi wkoll għas-seduti.

Madankollu, jista’ jkun hemm każi fejn ċerta xhieda tista’ tinstema’ bil-bibien magħluqa, għalkemm dan huwa fid-diskrezzjoni tal-Bord tal-Inkjesta. 

Filwaqt li fl-Inkjesti Maġisterjali tipprova tiġi determinata r-responsabbiltà kriminali, l-Inkjesta Pubblika teżamina kwistjonijiet amministrattivi jew leġiżlattivi.

Fil-każ tal-mewt ta’ Jean Paul Sofia, l-Inkjesta Maġisterjali se tiddetermina min iġorr ir-responsabbiltà kriminali għall-inċident, iżda mhijiex direttament inkarigata li teżamina jekk kienx hemm ukoll nuqqasijiet amministrattivi jew leġiżlattivi.

Fil-każ ta’ Inkjesta Pubblika, din se tinvestiga direttament dawn il-kwistjonijiet u tirrakkomanda bidliet politiċi u amministrattivi, iżda mhux azzjoni kriminali.

Il-Prim Ministru, mingħajr ma jindaħal fl-amministrazzjoni tal-ġustizzja jew fix-xogħol tal-ġudikatura, reġa’ tenna għat-tieni darba, permezz ta’ ittra lill-Prim Imħallef, biex din l-inkjesta tiġi konkluża biex il-kors tal-ġustizzja jimxi ‘l quddiem u kull min kien responsabbli għall-akkadut iwieġeb għal għemilu. Hekk kif it-terminu statutorju li fih kellha tingħalaq din l-inkjesta skada. 

Hawnhekk wieħed jistaqsi meta għandu jkun il-lok li jkun hemm bżonn titnieda Inkjesta Pubblika? Għaliex ma joħorġux kriterji ċari mill-Parlament dwar meta u kif għandha titnieda Inkjesta Pubblika? 

Sport