Friday, May 3, 2024

20 uffiċjal tad-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili b’għajnuna fil-Greċja

Aqra wkoll

Fis-sigħat li għaddew, 20 uffiċjal tad-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili ħallew pajjiżna għall-Greċja sabiex jgħinu lill-awtoritajiet Griegi fit-tifi tan-nar li qed jaħkem lill-istess pajjiż fix-xhur sajfin.

F’kummenti mill-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta, qabel dawn l-uffiċjali telqu lejn il-Greċja, il-Ministru għall-Intern, is-Sigurtà, ir-Riformi u l-Ugwaljanza Byron Camilleri u d-Direttur Ġenerali tal-Protezzjoni Ċivili Peter Paul Coleiro spjegaw kif din l-għajnuna se tingħata wara li ftit tax-xhur ilu l-istess Dipartiment kien bagħat 32 uffiċjal ieħor biex jassisti fid-diżastru li ħalla t-terremot fit-Turkija.

Il-Ministru Byron Camilleri qal li din hi l-ewwel darba li d-Dipartiment qed jibgħat kontinġent barra minn pajjiżna jipprovdi assistenza ta’ tifi tan-nar. Hu qal li dan seta’ jseħħ biss għaliex fl-aħħar snin dawn l-uffiċjali ġew imħarrġa sew u sar investiment qawwi fit-taħriġ tal-ħaddiema nfushom apparti l-investiment bla preċedenti li sar fl-aħħar snin fl-għodda tad-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili.

“Għal darb’oħra l-Protezzjoni Ċivili, qed inkunu solidali ma’ pajjiż ieħor, fejn din id-darba kellna talba mill-Gvern Grieg fejn qed nagħmlu użu mill-mekkaniżmu Ewropew. Dawn il-ħaddiema se jkunu qed jassistu fil-wild fires, fejn dan it-tim, apparti li se jkun qed jassisti, din l-esperjenza se sservih ta’ taħriġ u esperjenza għal dak li niġu f’bżonn f’pajjiżna. Rajna wkoll li sakemm dawn il-ħaddiema jkunu l-Greċja, f’Malta jkollna r-riżorsi kollha li hemm bżonn biex nibqgħu nassistu f’kwalunkwe inċident li jista’ jinqala. Qed nagħmlu passi ta’ ġgant fil-Protezzjoni Ċivili fejn dan id-Dipartiment mhux biss qed jeċċella f’pajjiżna, iżda wkoll qed jgħin pajjiżi oħra,” qal il-Ministru Camilleri.

Id-Direttur Ġenerali tal-Protezzjoni Ċivili, Peter Paul Coleiro, qal li sa mill-bidu ta’ din is-sena, fil-Greċja, seħħew iktar minn 5,200 nirien fil-kampanja, u nqerdu 1250 ettaru ta’ kampanja. Kompla kif l-Unjoni Ewropeja hija konxja minn din il-kriżi u b’hekk, kuntrarju għal dak li kien jiġri qabel, fejn l-Ewropa tirrispondi b’riżorsi meta s-sitwazzjoni taħrab minn idejn il-forzi tal-emerġenzi, beda proċess magħruf bħala pre-positioning fejn it-timijiet ta’ pumpiera jkunu fuq il-post u jiġġieldu n-nirien mal-ewwel.

“F’dan il-każ, irċevejna talba għall-għajnuna diretta mill-Protezzjoni Ċivili Griega, minħabba l-fatt li l-pumpiera Maltin huma mill-istess reġjun, jifilħu jaħdmu fis-sħana tas-sajf Mediterranju, kif ukoll imdorrija jitfu nirien fil-kampanja li tixbah ħafna li dik Griega. Ma stajniex nibqgħu passivi għal din is-sejħa, għal din it-talba. Sibna appoġġ immedjat mill-Ministeru, u b’hekk ser jitla’ tim ta’ għoxrin pumpier għal ġimagħtejn biex jaħdem spalla ma’ spalla mal-kollegi Griegi,” temm jgħid is-Sur Coleiro.

Intant, dawn l-uffiċjali se jintbagħtu fil-Greċja permezz tal-mekkaniżmu Ewropew tal-Protezzjoni Ċivili u mistennija jdumu hemm sal-aħħar ta’ Lulju. Fil-fatt id-Dipartiment ħaseb għal kontinġenza fl-operat tiegħu fl-assenza ta’ dawn l-uffiċjali, b’230 uffiċjal se jibqgħu joperaw b’mod normali f’pajjiżna.

Sport