Meta bdiet tintlagħab il-fażi finali tal-Kampjonat Ewropew ta’ Taħt il-21 sena, biż-żewġ pajjiżi ospiti jkunu r-Rumanija u Georgia, proprju dawn tal-aħħar ħolqu l-ewwel sorpriża ta’ dan it-tournament, meta minn Grupp A, għelbu lil wieħed mit-timijiet l-aktar favoriti, il-Portugall, bl-iskor ta’ 2-0.
Iż-żewġ goals waslu fl-ewwel taqsima minn George Gagua (37) u Saba Sazonov (45). U biex kollox jiġihom ħażin, il-Portugiżi kellhom lil Tomas Araujo (76) imkeċċi għal karta ħamra diretta meta kien l-aħħar player u kkommetta foul fuq l-avversarju Giorgi Gocholeishvili li kien tiela’ waħdu u f’pożizzjoni li seta’ jiskorja.
Fil-logħba l-oħra mill-istess grupp, il- Belġju u l-Olanda temmew fi draw ta’ mingħajr goals liema partita ma laħqitx l-aspettattivi mixtieqa.
Fil-konfront minn Grupp B, li ntlagħbet f’Bucharest, l-Ukrajna għelbu lill-Kroazja bl-iskor ta’ 2-0, biż-żewġ goals jaslu wieħed f’kull taqsima.
Il-protagonisti Ukreni kienu Oleksii Kashchuk (19) u Danylo Sikan (48).