Saturday, December 21, 2024

Euro Under 19: Malta ttemm b’telfa kontra l-Portugall

Aqra wkoll

Portugall ………..2

Malta …………….1

Malta sellmet lill-Kampjonat Ewropew ta’ Taħt id-19-il sena, li qed isir f’pajjiżna, b’telfa ta’ 2-1 kontra l-Portguall.

Din kienet l-aħħar partita tat-team Malti f’dan it-tournament hekk kif safa eliminat qabel dan il-konfront wara li sofra żewġ telfiet.

Iżda l-punt pożittiv kien li sa fl-aħħar irnexxielna nsibu x-xibka avversarja.

Mingħajr tlaqliq, il-Portugiżi kienu teknikament aħjar u territorjalment superju­ri.

Wara goal kmieni, huma lagħbu bi tran­k­willitá kbira u l-interchan­ging tagħhom tant kien perfett, li bdew isibu lil xulxin b’intuwizzjoni naturali … bil-Maltin bdew jiġru ħafna u jaħlu tant ener­ġija.

Kien lejn l-aħħar kwarta tal-ewwel taqsima, li l-Maltin  bdew jippressaw iżda ma nkwad­rawx il-lasti biex il- goalkeeper avversarju qatt ma ġie mpenjat.

Kulħadd huwa konxju mill-iskola tal-football Portugiża li hija minn fost l-aqwa fl-Ewropa.

U minkejja li l-coach għażel li jagħmel rotazzjoni ta’ players wara li assiguraw posthom fis-semi-finali, hu­ma xorta kienu l-aħjar team.

Il-limitazzjonijiet tagħna fil-football huma reali iżda fl-istess waqt irridu nammiraw id-determinazzjoni tal-players tagħna.

Fit-tieni taqsima, il-Maltin tjiebu u l-goal li skorjajna kien injezzjoni psikoloġika … li b’kuntrast għall-avversarji dehru mifxula, bil-coach tagħhom deher irrabjat u diżappuntat … anke jekk kisbu t-tliet punti.

Peró, jekk wieħed janalizza l-wirjiet tal-Maltin kien hemm sitt players li spikkaw. Dawn kienu l-aħwa Lucas u Dylan Scicluna, Andrew Borg, Benjamin Hili,  Jake Micallef u Basil Tuma.

Il-livell ta’ dawn il-players huwa wieħed għoli u jekk iżommu saqajhom mal-art, għandhom futur kbir qud­diemhom.

Mal-ewwel attakk denju, fit-tmien minuta, il-Portugiżi fetħu l-iskor meta Joao Goncalves xeħet lejn Miguel Fale li għadda bejn Matthias Ellul u Daniel Letherby u b’xutt fil-baxx minn tarf il-kaxxa xeħet il-ballun fir-rokna tax- xibka, bil-goalkeeper Malti, Hugo Sacco, megħlub għal kollox. 

Fit-28 minuta, Lucas Scicluna xeħet back pass erratiku biex il-goalkeeper Malti kellu jixħet f’corner li fortunatament l-istess Sacco rri­medja minn cross perikoluż  ta’ Joao Goncalves. Tliet minuti wara, Sacco salva lill-Maltin meta dawwar għal corner it-tentattiv ta’ Luis Gomes minn taħt il-lasti.

It-tieni taqsima fetħet b’xutt ta’ Jorge Meireles mid-distanza li l-goalkeeper Sacco laqa’ bi tbatija.

Madankollu, kontra x-xej­ra tal-logħob, fit-72 minuta, il-Maltin kisbu d-draw meta Tristan Viviani kklerja fit-tul bil-ballun jasal fi tliet kwarti ta’ ground fejn Basil Tuma approfitta mill-ħarġa ħażina tal-goalkeeper Portugiż u minn tarf il-kaxxa xeħet f’xib­ka votja.

Iżda dan il-goal dam jitgawda tliet minuti biss hekk kif il-Portugall reġgħu marru fil-vantaġġ meta mill-cross ta’ Miguel Fale, Joao Goncalves kompla l-ballun għal ġewwa.

PORTUGALL: 12-Diogo Pinto, 2-Goncalo Esteves, 4-Gabriel Bras, 10-Diogo Prioste (20-Hugo Felix 45), 11-Jorge Meireles (9-Rodrigo Ribeiro 65), 13-Martim Fernandes (7-Carlos Borges 65), 14-Jose Gomes, 15-Herculano Nabian (5-Martim Marques 65), 16-Yanis Da Rocha, 17-Joao Goncalves, 19-Miguel Fale – Coach: Joaquim Milheiro

MALTA: 1-Hugo Sacco, 2-Andrew Borg (13-Bjorn Buhagiar 68), 3-Matthias Ellul, 4-Sven Xerri, 6-Jake Micallef, 7-Nathan Cross (19-Sean Gatt 68), 8-Lucas Scicluna, 9-Basil Tuma, 11-Benjamin Hili (15-Tristan Viviani 53), 16-Lucas Caruana (20-Brooklyn Borg 68), 17-Da­niel Letherby (14-Ivin Farrugia 79) – Coach: Antonio Mendes

REFEREE: Joonas Jaanovits (Estonja)

ASS. REFEREES: Aron Har­sing (Estonja); Yossi Babayoff (Iżrael)

RABA’ UFF:Yigal Frid (Iż­rael)

SKORERS: M. Fale 8, J. Goncalves 75 (P); B. Tuma 72 (M)

AMMONITI: L. Caruana, D. Letherby, M. Ellul (M)

Ekonomija

Sport