Tuesday, December 24, 2024

Euro Under 21: Malta megħluba mill-Kazakhstan b’żewġ goals fit-tieni taqsima

Aqra wkoll

Malta ……………0

Kazakhstan …..2

It-team nazzjonali ta’ Taħt il-21 sena safa megħlub mill-Kazakstan bl-iskor ta’ 2-0, biż-żewġ goals għal jaslu fit-tieni taqsima liema partita kienet valida mir-round ta’ kwalifikazzjoni tal-Kampjonat Ewropew. 

Kienet logħba li fiha l-Maltin xejn ma mpres­sjonaw fejn irreġistraw az­zjoni waħda biss denja ta’ nota kmieni fit-tieni taqsima, u li kieku ma kienx għall-bravuri tal-goalkeeper, Hugo Sacco, it-telfa setgħet kienet akbar.

Kienu l-Kazakstan li ħarġu fuq l-offesnsiva u wa­ra biss ftit sekondi, xutt mid-distanza ta’ Adket Sadybekov għadda ftit għoli.

Fl-20 minuta, Adlikhan Dobay approfitta minn żball fid-difiża ta’ Owen Spiteri, ġie wiċċ imb’wiċċ mal-goalkeeper Sacco, iżda inkreddibilment tefa’ barra.

L-avversarji komplew jid­dominaw u fil-35 minuta Dennis Mitrofanov kellu l-konklużjoni tiegħu tiġi salvata f’żewġ tentattivi minn Sacco.

Ħames minuti wara Nurgaini Buribayev dejjem għal Kazakstan ittanta xortih permezz ta’ xutt mid-distanza li iżda sab lil Sacco attent, u dawwar tajjeb f’corner.

Malta ħolqot l-ewwel azzjoni denja ta’ nota fid-49 minuta permezz ta’ free-kick insidjuż ta’ Gianluca Sciberras li iżda għadda barra.

Madankollu, fit-52 minuta, l-avversarji fetħu l-iskor permezz ta’ xutt b’saħħtu u angolat ta’ AIBAR ABDULLA li ma ta l-ebda ċans lil Sacco, bil-ballun jintemm fis-saqaf tax-xibka.

Huma komplew jippressaw u, ħames minuti wara, Dennis Mitrofanov kellu xutt fil-baxx minn qagħda djagonali li ġie salvat b’diffikultá minn Sacco.

Fil-61 minuta, il-Kazakhstan resqu viċin li jirdoppjaw iżda minn pożizzjoni ideal, Mitrofanov ra t-tentattiv tiegħu jiġi mdawwar f’corner minn Sacco.

Iżda huma ma kellhomx jiġu mċaħħda mit-tieni goal 10 minuti wara meta wara li rċieva l-ballun minn corner, DAMIR KASSABULAT kellu d-daqqa ta’ ras tiegħu minn taħt il-lasta tintemm ġewwa.

Il-Kazakstan komplew jamministraw il-vantaġġ sat -tmiem mingħajr tbatija.

malta: 12-Hugo Sacco, 3-Owen Spiteri (16-Jake Micallef 77), 4-Jake Vassallo, 5-Matthew Ellul, 7-Mattia Veslji, 10-Andrea Zammit, 11-Aleandro Garzia (2-Matteo Gambin 77), 13-Nikolai Micallef (6-Karl Mohnani 77), 17-Gianluca Sciberras, 18-Andrew Borg (19-Basil Tuma 59), 20-Kurt Bondin – Coach: Ivan Woods

KAZAKHSTAN: 1-Temiran Anarbakov (12-Nikita Pivkin 85), 2-Yegor Tkachenko (3-Lev Kurgin 66), 4-Adilbek Zhumakhanov, 6-Abylaikhan Nazymkhanov (14-David Yessimbekov 85), 7-Nurgaini Buribayev, 8-Meirambek Kalmyrza, 10-Adket Sadybekov, 11-Dennis Mitrofanov (20-Nurali Zhaksylykov 66), 18-Aibar Abdulla (9-Saif Popov 78), 21-Damir Kassabulat, 23-Adlikhan Dobay – Coach: Kairat Nuraduletov

REFEREE: Antoine Paul Chiaramonti (Andorra)

ASS. REFEREES:  Andreu Simarro, Ainhoa Fernandez Ruiz (Andorra)

RABA’ UFF: Rui Filipe Pinheiro (Portugall)

SKORERS: A. Abdulla 52, D. Kassabulat 71 (K)

AMMONITI: O. Spiteri, M. Veselji (M), Y. Tkachenko, A. Zhumakhanov, D. Kassabulat (K) 

Ekonomija

Sport