Saturday, May 4, 2024

Entità ġdida li ser tinvesti f’proġetti ta’ riċerka u innovazzjoni fis-sajd u l-akwakultura

Aqra wkoll

Is-Segretarju Parlamentari għas-Sajd, l-Akwakultura u d-Drittijiet tal-Annimali Alicia Bugeja Said, ħabbret it-twaqqif ta’ entità ġdida bl-isem ta’ Aquatic Resources Malta. Din l-entità ser tibda tinvesti fi proġetti ta’ riċerka u innovazzjoni ġodda, li ser jagħtu spinta lis-setturi lokali tas-sajd u l-akwakultura.

Is-Segretarju Parlamentari Bugeja Said saħqet li din l-entità ser tgħin lill-Gvern iwessa’ l-orizzonti tiegħu dwar dak li qiegħed jiġri fl-ibħra tagħna, kemm mill-lat ekoloġiku, kif ukoll minn dak soċjo-ekonomiku.

“Dawn l-inizjattivi ser jgħinuna nsostnu l-istokkijiet tal-ħut eżistenti fl-ibħra tagħna, kif ukoll nassiguraw settur tas-sajd iktar ekonomikament u ambjentalment sostenibbli. Is-sajd u l-akwakultura għandhom potenzjal kbir għat-tkabbir tal-blue economy ġewwa pajjiżna. Din l-entità ser tibgħat sinjal ċar tat-triq ’l quddiem għal dawn is-setturi, u ser tgħin lil pajjiżna biex jieħu l-passi li jmiss,” saħqet Bugeja Said.

Is-Segretarju Parlamentari spjegat ukoll kif din l-entità ser twassal sabiex kemm xjentisti lokali u dawk internazzjonali jissieħbu fi proġetti ġodda ta’ kollaborazzjoni reġjonali u globali.

Alicia Bugeja Said saħqet ukoll kif matul dawn l-aħħar snin, is-settur tal-akwakultura irnexxielu jfaqqas speċi bħall-awrat, l-ispnott u l-aċċjol. “Permezz ta’ entità bħal din, ser nixprunaw l-għarfien dwar it-tfaqqis u t-trobbija ta’ speċi ġodda, bħal denċi, qarnit u rizzi, li jistgħu potenzjalment isarrfu fi programmi ta’ restocking. Dan sabiex insaħħu l-istokkijiet tal-ħut u s-sostenibbiltà tagħhom.”

“Opportunitajiet ta’ kollaborazzjoni bħal dawn huma wkoll kruċjali fid-dawl tal-investiment li qegħdin nattiraw għaż-Żona Ekonomika Esklussiva ta’ pajjiżna. Hawn, ser issir sejħa għal twaqqif ta’ fish farms ġodda lil hinn mill-kosta, li ser joffru opportunitajiet ta’ impjiegi ġodda għaż-żgħażagħ tagħna, kif ukoll għażla ikbar ta’ ħut għall-konsumaturi lokali u swieq barranin,” temmet tgħid is-Segretarju Parlamentari Bugeja Said.

Sport