Saturday, December 21, 2024

“Eventwalment niġu f’punt fejn mhux se jibqa’ pajjiżi ħomor jew ħomor skuri”

Mill-ġimgħa d-dieħla, dawk kollha li għandhom ‘il fuq minn 65 sena jistgħu jieħdu t-tieni doża tal-booster

Claudio Coleiro
Claudio Coleiro
Ġurnalist

Aqra wkoll

Mill-ġimgħa d-dieħla, dawk kollha li għandhom ‘il fuq minn 65 sena, jekk iridu, se jkunu jistgħu jieħdu t-tieni doża tal-booster. Dan ħabbru d-Deputat Prim Ministru u Ministru tas-Saħħa Chris Fearne meta kien qed jitkellem waqt il-programm Paperscan fuq l-istazzjon ONE. 

Huwa qal li fl-aħħar ġimgħat, it-tieni doża tal-booster ġiet offruta lil dawk li għandhom immunità baxxa, lir-residenti fid-djar tal-anzjani u lill-anzjani li għandhom aktar minn 80 sena. Fil-jiem li ġejjin, se jkunu qegħdin jintbagħtu l-inviti biex min għandu ‘l fuq minn 65 sena u jixtieq jieħu din it-tilqima, ikun jista’ jagħmel dan. 

Fearne qal ukoll li fadal xi miżuri relatati mal-ivvjaġġar. Qal li fil-jiem li ġejjin se jsiru diskussjonijiet ma’ pajjiżi oħra fl-UE u mal-Kummissjoni Ewropea biex “eventwalment niġu f’punt fejn mhux se jibqa’ pajjiżi ħomor jew ħomor skuri. Imma kull min se jivvjaġġa se jiddependi mhux minn fejn ġej imma jekk għandekx test negattiv, ċertifikat ta’ tilqim jew ċertifikat ta’ rkupru. Din se nkunu nistgħu nħabbruha fil-jiem li ġejjin biex b’hekk inkunu mhux biss f’pajjiżna imma fejn jidħol vjaġġar minn pajjiżi oħra nkunu morna prattikament għan-normalità.”

Sadanittant, minn għada, l-użu tal-maskri mhux se jibqa’ obbligatorju ħlief fl-isptarijiet, djar tal-anzjani, kliniċi mediċi u fuq titjiriet, minn u lejn Malta, filwaqt li huwa rakkomandat li tintlibes il-maskra f’postijiet fil-magħluq bħal fuq it-trasport pubbliku. Mhuwiex se jibqa’ neċessarju li jimtela l-Passenger Locator Form biex tivvjaġġa lejn Malta minn pajjiż taż-żona ħamra, filwaqt li l-miżuri restrittivi kollha relatati mal-avvenimenti organizzati se jitneħħew ukoll.

Minn għada wkoll, kull min hu pożittiv għall-Covid-19, kemm dawk li ħadu l-vaċċin u kif ukoll dawk li mhumiex ivvaċċinati, se jkunu obbligati li jiżolaw ruħhom għal għaxart ijiem, jew sebat ijiem kemm-il darba jsir test fis-seba’ jum li jirriżulta fin-negattiv. 

Filwaqt li mhijiex ser tibqa’ mandatorja l-kwarantina għall-persuni li jgħixu fl-istess residenza, huwa rakkomandat li dawn il-persuni jagħmlu test fit-tielet jum, jew jekk jiżviluppaw sintomi huma wkoll. Kuntatti primarji tal-persuna pożittiva, kemm jekk ivvaċċinati kif ukoll jekk le, mhumiex se jintalbu jagħmlu kwarantina mandatorja.

Ekonomija

Sport