Minkejja l-kliem sabiħ u “qalbieni” li baqa’ jintqal, il-pajjiżi Ewropej jinsabu fi stat ta’ diżorjentament. Minn naħa spiċċaw iqisu lir-Russja bħala theddida serja għas-sigurtà tagħhom u dan mhux biss fil-kuntest tal-gwerra fl-Ukrajna. Min-naħa l-oħra, qed jifhmu kif l-appoġġ li dejjem stennew mill-Istati Uniti m’għadux hemm. Anzi b’ċertu mod, taħt il-President Trump, l-Istati Uniti qed iqisu l-Ewropa b’manjiera mhux wisq differenti minn kif ir-Russja, skond l-Ewropej, qed tqishom (bħal fil-każ ta’ Greenland).
Sadattant, lejn iċ-Ċina – li setgħet tipprovdi kontra-piż għall-blokki tal-Amerika u tar-Russja – l-Ewropej baqgħu xejn ċari dwar jekk iqisux liċ-Ċiniżi bħala avversarji, kompetituri jew alleati potenzjali. Imbagħad, rigward blokki oħra li jistgħu iqarrbu lejhom – bħal fil-każ tal-Amerika t’Isfel – ir-rieda politika biex jagħmlu dan hi eżitanti għall-aħħar.
Biex tagħqad, internament fil-pajjiżi Ewropej ewlenin, il-gvernijiet saru jistrieħu fuq koalizzjonijiet diffiċli. Sa ftit taż-żmien ilu, l-istrutturi ta’ koalizzjoni kienu jipprovdu governanza effettiva fl-Ewropa. Illum dan m’għadux jiġri.
DEMOKRAZIJA KORPORATISTA
Ma nagħtux għarfien biżżejjed lill-element korporatista fid-demokrazija ta’ pajjiżna. Fil-fatt, dejjem hemm kien. L-impatt tal-korpi “kummerċjali” u soċjali fuq l-imġiba tal-partiti politiċi dejjem kien qawwi, lil hinn mill-influwenza tradizzjonali tal-Knisja Kattolika, u mhux l-anqas meta din bdiet tiddgħajjef bil-kbir – imqabbel ma’ li kienet fis-snin 50 jew 60 tas-seklu l-ieħor, pereżempju.
Kemm ilu li bejn iż-żewġ partiti l-kbar daħlet konverġenza fil-mod kif iqisu s-soċjetà, il-futur u t-tmexxija ekonomika – u kemm ilha Malta membru tal-Unjoni Ewropea – it-tiswir attwali tal-politika sar jirrifletti dejjem aktar esiġenzi mrressqa mill-korpi kostitwiti fil-pajjiż, speċjalment jekk huma influwenti fl-oqsma tas-servizzi u tal-bini. X’aktarx li dan l-iżvilupp aċċellera kemm ilhom li nqatgħu l-elezzjonijiet “spissi”. Is-suspett iqum li l-korporatiżmu tant sar b’saħħtu llum li qed jirnexxielu jagħġen saħansitra l-opinjoni publika.
WISQ NIES
Fil-verità l-argument li ta’ spiss nisimgħu dwar l-“overpopulation” – li f’pajjiżna għandna wisq nies – jammonta għall-argument li hawn wisq barranin. Biss, fatt stramb hu li matul is-sekli, dejjem hekk kien – b’xi mod jew ieħor, dejjem ġara li f’dan l-ispazju, barranin għexu mal-Maltin u fil-biċċa l-kbira għamlu dan biss għal parti minn ħajjithom. Fi żmien l-Ingliżi, l-forzi militari u navali stazzjonati hawn kienu jifformaw kolonja sostanzjali. L-istess fi żmien il-Kavalieri ta’ San Ġwann, bil-gwarniġjoni, is-servitu u l-baħħara li kienu jmantnu madwarhom.
Li forsi nbidel hu kif fl-istess żmien li kellna fostna dawn il-kolonji ta’ barranin, ħafna Malti kien ikollhom jitilqu biex isibu kif jgħixu f’imkejjen oħra. Illum le, il-Maltin li jitilqu jagħżlu li jagħmlu dan mhux għax ma jkollhomx alternattiva oħra.

