L-eks Isqof Awstraljan Christopher Saunders intbagħat il-ħabs wara li nstab ħati li abbuża sesswalment minn żewġ żgħażagħ Aboriġini fiż-żmien li kien kleriku Kattoliku. Saunders kien irriżenja minn Isqof ta’ Broome meta kien għall-ewwel darba akkużat b’imġiba ħażina sitt snin ilu.
Nhar l-Erbgħa, l-eks isqof ta’ 76 sena ngħata sentenza ta’ sitt snin u nofs ħabs wara li nstab ħati ta’ akkuża waħda ta’ stupru u 12-il akkuża ta’ atti indiċenti f’Awwissu li għadda. Huwa iżda se jkun eliġibbli għall-ħelsien kundizzjonat (parole) fi Frar tal-2031.
Fil-proċess tiegħu fl-istat tal-Awstralja tal-Punent, instema’ kif huwa kien iħejji lill-żewġ żgħażagħ irġiel b’mod sistematiku għall-abbuż billi kien jistidinhom għal laqgħat fejn kienu jinżgħu l-qomos u joffrilhom l-alkoħol, spiss billi juża fondi u proprjetajiet tal-knisja għal dan il-għan.
Huwa nstab ħati li bies u abbuża sesswalment miż-żewġ żgħażagħ bejn is-snin 2010 u 2019 u li f’każ minnhom sforza lil wieħed minnhom iwettaq atti sesswali orali.
Saunders kien ġie ordnat saċerdot fl-1976 u qatta’ l-biċċa l-kbira tal-karriera tiegħu fir-reġjun remot ta’ Kimberley, fil-majjistral tal-Awsstralja, u fl-1996 inħatar Isqof ta’ Broome. Id-djoċesi tkopri madwar 770,000 kilometru kwadru – żona kbira kważi daqs it-Turkija – u tinkludi wħud mill-aktar inħawi remoti tal-pajjiż.
L-Imħallef tal-Qorti Distrettwali Martin Flynn stqarr li Saunders wera nuqqas ta’ rispett lejn id-dinjità tal-vittmi tiegħu u kkawżalhom ħsara dejjiema.
L-Arċisqof ta’ Perth, Timothy Costelloe, min-naħa tiegħu rrimarka li l-vittmi li resqu ‘l quddiem urew kuraġġ u reżiljenza kbira fit-tfittxija tagħhom għall-ġustizzja. Huwa qal ukoll li l-ebda sentenza tal-qorti ma tista’ tħassar it-tbatija li ġiet ikkawżata jew iġġib lura dak kollu li kull persuna tilfet.
L-akkużi tressqu għall-ewwel darba fl-2020, iżda l-investigazzjoni inizjali tal-pulizija sussegwentement kienet ingħalqet mingħajr ma tressqu ebda akkużi kontra ħadd. Madankollu, wara li l-Papa ordna inkjesta storika, il-pulizija bdiet tinvetiga mill-ġdid.
Il-Knisja bħalissa qed tiffaċċja pressjoni biex tneħħi lil Saunders mit-titlu u s-setgħat ministerjali li għad għandu – deċiżjoni li l-Arċisqof qal li se tittieħed minn Ruma.
Madwar id-dinja saru biss ftit inkjesti taħt il-proċedura “Vos Estis Lux Mundi” li bil-Latin tfisser “Intom id-Dawl tad-Dinja”.
Dawn l-investigazzjonijiet jiġu ordnati mill-Papa u ġew introdotti fl-2019 bilgħan li jikkumbattu l-abbużi sesswali ta’ kull xorta u jżommu lill-isqfijiet u uffiċjali oħra ta’ livell għoli fil-Knisja Kattolika responsabbli għall-azzjonijiet tagħhom.
Minbarra l-Kardinal George Pell, illum mejjet, li kien intbagħat il-ħabs u mbagħad ġie lliberat mill-akkużi, l-eks isqof Saunders huwa l-ogħla uffiċjal Kattoliku fil-pajjiż li ġie akkużat b’reati sesswali.

