F’dinja fejn il-pjattaformi online qed jagħmlu pressjoni kbira fuq il-minuri tant li qed tirriżulta f’dipendenza perikoluża, l-MEP Alex Agius Saliba f’isem il-Grupp tas-Soċjalisti u d-Demokratiċi qed jieħu ħsieb negozjati dwar regolamenti Ewropej fuq il-protezzjoni tal-minuri.
“Wisq familji qed jibku t-telfa ta’ wliedhom minħabba prodotti diġitali tossiċi. Xejn inqas minn 90% tal-Ewropej iridu li nirregolaw il-midja soċjali għat-tfal. Dan juri kemm is-sitwazzjoni hija serja u li l-leġiżlazzjoni ilha li kellha ssir,” sostna l-MEP Agius Saliba.
Agius Saliba saħaq ukoll l-ħtieġa li jkun hemm età minima li tipproteġi lill-iżgħar fostna imma mhux biss. “Li sempliċiment niktbu limitu ta’ età mhux biżżejjed. Dan il-limitu għandu jiġi infurzat sabiex jaħdem fil-prattika.Inkella nispiċċaw b’dak li rajna fl-Awstralja: liġi li tidher b’saħħitha fuq il-karta, iżda li fil-prattika hija mimlija lakuni. L-Ewropa għandha ċ-ċans, għal darb’oħra, li tistabbilixxi l-istandard globali.”
Huwa spjega wkoll kif jekk tintalab verifika tal-età tal-utenti, din għandha ssir b’mod li jħares il-privatezza, permezz ta’ protokolli ta’ zero-knowledge u verifika minn partijiet terzi biex tiġi protetta d-data u l-anonimità tal-minuri fuq l-internet.
“Din il-proposta għandha timxi id f’id ma’ Digital Fairness Act ambizzjuż, li jipproteġi lis-soċjetà kollha mill-impatt negattiv tal-mudell kummerċjali tal-Big Tech. Bħala leġiżlaturi, aħna rridu nistabbilixxu r-regoli dwar x’inhu aċċettabbli u x’mhuwiex mhux in-negozji nfushom,” temm jgħid l-Ewroparlamentari Alex Agius Saliba.

