Il-Ministru għall-Fondi Ewropej, id-Djalogu Soċjali u l-Protezzjoni tal-Konsumatur Keith Azzopardi Tanti, fil-preżenza tad-Direttur Ġenerali tad-Direttorat Ġenerali għall-Impjiegi, l-Affarijiet Soċjali u l-Inklużjoni tal-Kummissjoni Ewropea, nieda l-Pjan Malti għall-Fond Soċjali tal-Klima, fond li permezz tiegħu se jiġu investiti €60.6 miljun bejn is-snin 2026 u l-2032 biex jiġu indirizzati sfidi soċjali u ekonomiċi marbuta mat-tranżizzjoni lejn ekonomija aktar ekoloġika.
Dan il-pjan li ġie approvat mill-Kummissjoni Ewropea aktar kmieni din is-sena, se jiffoka fuq interventi konkreti għall-familji u individwi vulnerabbli, kif ukoll għall-mikrointrapriżi li jistgħu jintlaqtu b’mod aktar dirett mill-bidliet relatati mat-tranżizzjoni ekoloġika.
Permezz ta’ dan il-fond se jiġu appoġġjati sensiela ta’ miżuri mmirati fosthom biex l-akkomodazzjoni soċjali pubbliku jsir aktar effiċjenti fl-użu tal-enerġija u jagħmel aktar użu minn sorsi ta’ enerġija rinnovabbli. Fl-istess waqt, se jiġu msaħħa s-servizzi ta’ trasport fil-komunità għal persuni vulnerabbli, filwaqt li mikrointrapriżi vulnerabbli se jingħataw sostenn biex jagħmlu t-tranżizzjoni lejn il-mobbiltà elettrika.
Il-Ministru Keith Azzopardi Tanti saħaq li dan il-pjan huwa dwar in-nies u jrid jiġi assigurat li t-tranżizzjoni lejn ekonomija aktar ekoloġika tkun waħda ġusta. “B’investiment ta’ madwar €60.6 miljun, se nkunu qed ngħinu lill-familji, lill-persuni vulnerabbli u lill-mikrointrapriżi biex ikunu parti minn tranżizzjoni aktar ekoloġika mingħajr ma ħadd jitħalla lura. L-għan tagħna huwa li dawn il-fondi ma jibqgħux biss ċifri fuq il-karta, iżda jsiru investimenti li jinħassu fid-djar tagħna, fil-komunitajiet tagħna u fin-negozji tagħna,” kompla l-Ministru Keith Azzopardi Tanti.
Id-Direttur Ġenerali għall-Impjiegi, l-Affarijiet Soċjali u l-Inklużjoni fi ħdan il-Kummissjoni Ewropea, Mario Nava, tkellem dwar is-setturi li se jibbenefikaw minn din l-iskema. “Wieħed minnhom huwa s-settur tad-djar, fejn se jsiru interventi ta’ rinnovazzjoni f’aktar minn 230 appartament, fosthom sistemi ta’ tisħin u tkessiħ, pannelli solari, insulazzjoni u double glazing. It-tieni qasam huwa dak tat-trasport, fejn se jsiru żewġ tipi ta’ investiment. Investiment minnhom se jgħin lill-mikrointrapriżi vulnerabbli jeqilbu għal vetturi elettriċi, filwaqt li l-ieħor se jappoġġja trasport lokali aktar aċċessibbli għall-anzjani u għall-persuni b’diżabilità.”
Is-Segretarju Permanenti fi ħdan il-Ministeru għall-Fondi Ewropej, id-Djalogu Soċjali u l-Protezzjoni tal-Konsumatur Jonathan Vassallo qal li l-pass li jmiss huwa li l-Pjan jiġi implimentat b’mod effettiv u koordinat. “Se nkunu qed naħdmu biex niżguraw proċessi ċari, konformità mar-rekwiżiti tal-Fond u monitoraġġ kontinwu tal-investimenti, sabiex ir-riżorsi disponibbli jissarrfu f’riżultati konkreti u li jistgħu jitkejlu,” qal is-Sur Vassallo.
Il-Pjan se jiġi implimentat permezz ta’ ħidma koordinata bejn l-awtoritajiet Maltin u l-Kummissjoni Ewropea, bil-għan li l-miżuri jilħqu lil dawk li l-aktar għandhom bżonnhom u li t-tranżizzjoni ekoloġika tkun waħda ġusta u inklussiva.

