X’ġara waqt l-eżekuzzjoni falluta ta’ Christa Pike?

Aqra wkoll

Christa Pike, il-priġuniera Amerikana kkundannata għall-mewt u li ma mititx wara li ngħatat żewġ injezzjonijiet qattiela l-ġimgħa li għaddiet, issa ġiet f’sensiha fl-isptar u bdiet titkellem. Hija l-unika persuna magħrufa s’issa kkundannata għal mewt li l-esekuzzjoni tagħha falliet.

Pike, li llum għndha 50 sena, kienet ingħatat is-sentenza tal-mewt wara li qatlet lil Colleen Slemmer fl-1995. Hija kellha 18-il sena meta hi u l-għarus tagħha ta’ dak iż-żmien, Tadaryl Shipp, sawtu, ittorturaw u qatlu lil Slemmer, li kellha 19-il sena.

L-esekuzzjoni falluta ta’ Pike saret fl-istat Amerikan ta’ Tennessee. Wara li  baqgħet ħajja, hija ttieħdet l-isptar u baqgħet mitlufa minn sensiha għal jiem sħaħ anki wara li t-tobba neħħewlha l-kimika velenuża li ġiet injettata f’ġisimha.

Esperti u t-tim legali ta’ Pike qalu li l-irkupru apparenti tagħha huwa bla preċedent. Huwa maħsub li Christa Pike hija l-unika persuna li ngħatat il-mewt iżda baqgħet ħajja wara li ngħatat l-injezzjonijiet letali.

L-esperta tal-kriminologa u professur fl-Iskola tal-Liġi ta’ Fordham, Deborah Denno, qalet li kienet “assolutament mistagħġba” bil-fatt li Pike ġiet f’sensiha u bdiet titkellem. Dan qatt ma ġara qabel.

Kien hemm seba’ każijiet oħra fejn priġunieri baqgħu ħajjin wara l-attentat ta’ eżekuzzjoni. F’dawk il-każijiet iżda, l-ikkundannati baqgħu ħajjin għax dawk inkarigati mill-eżekuzzjoni ma kienx irnexxilhom jinjettaw il-kimika fil-vini tal-priġunieri.

L-awtoritajiet għadhom ma ddikjarawx jekk hux se jippruvaw jerġgħu jwettqu l-eżekuzzjoni ta’ Pike. Huma lanqas ma taw spjegazzjoni dwar x’mar ħażin wara li ngħatat l-injezzjoni bis-sustanza kimika pentobarbital.

B’effett ta dan, il-Gvernatur ta’ Tennessee, Bill Lee, issospenda l-eżekuzzjonijiet kollha għall-bqija tas-sena, filwaqt li l-kap tal-ħabsijiet tal-istat ħabbar matul tmiem il-ġimgħa li kien biħsiebu jirriżenja mill-kariga.

Anestesjologu Dr Joel Zivot, qal nhar it-Tlieta li l-probabbiltà ta’ rkupru wara injezzjoni letali kienet baxxa. “Il-biċċa l-kbira tan-nies li jirċievu injezzjoni letali jmutu. Fil-fatt, prattikament kulħadd miet, ħlief Christa. Għalhekk, il-fatt li hi baqgħet ħajja… kien xi ħaġa mhux tas-soltu” sostna Zivot.

Madankollu, għad fadal ħafna inċertezza u ħafna affarijiet mhux magħrufa, fosthom kemm mill-pentobarbital daħal fis-sistema tad-demm tagħha, x’kienu l-livelli fid-demm wara l-injezzjoni u kif se jkun il-fejqan tagħha.

Fl-2022, aktar minn terz tal-eżekuzzjonijiet fl-Istati Uniti kollha kienu fallew jew kienu problematiċi ħafna, skont id-Death Penalty Information Center, li jsegwi informazzjoni dwar każijiet bħal dawn.

Fil-każ ta’ injezzjonijiet letali, inċidenti bħal dawn ġeneralment seħħew minħabba diffikultà biex jinkiseb aċċess tajjeb għall-vini, għalkemm ir-raġuni tvarja minn persuna għal oħra. Fil-każijiet li ddokumenta ċ-ċentru, l-aħħar injezzjoni letali li falliet li ġiet irreġistrata seħħet aktar kmieni din is-sena ukoll f’Tennessee.

LEAVE A REPLY

Please enter your comment!
Please enter your name here

Sport