Fil-Parlament, il-Ministru għall-Finanzi Clyde Caruana wieġeb għal mistoqsijiet li saru mid-Deputati Nazzjonalisti Adrian Delia u Toni Bezzina b’rabta mas-sistema tat-trasport tal-massa.
Il-Ministru Caruana beda biex stqarr li waħda mill-mistoqsijiet li sarulu fl-intervista mat-Times, kienet proprju marbuta ma’ dan il-proġett fejn qal li huwa wieġeb bl-aktar mod konsistenti u ċar.
“Nibdew bil-fatti kif inhuma. Il-Partit Laburista, il-Gvern għandu dik il-wegħda fil-manifest elettorali. Naf x’wiegħed il-Gvern u naf ukoll ix-xogħol li għaddej mill-Ministeru tat-Trasport.”
“Jiena tkellimt b’mod ċar. Għedt irrid nara n-numri. Il-Ministeru inkarigat mill-proġett għaddej mal-konsulenti. Fil-fatt, se jkollu l-vot fl-estimi, eventwalment, meta nippreżentaw il-Budget sabiex ikun jista’ jħallas għal dawn l-istudji,” qal il-Ministru Caruana.
Huwa saħaq li dan hu proġett enormi fejn rapporti li kienu saru qabel, kienu qed jindikaw li l-ispiża marbuta ma’ tali proġett tista’ tkun ta’ 30% tal-Prodott Gross Domestiku.
Il-Ministru Caruana spjega kif il-ħsieb fil-bidu kien li jkun hemm ċerti viji, aktar minn waħda. “Dakinhar l-informazzjoni kienet li dan kollu jiġi jiswa investiment kapitali ta’ ’l fuq minn €6 biljun. Issa kien hemm reviżjonijiet li ma jsirx dan kollu imma jsir xi ħaġa ‘scale down’ u l-ispiża indikattiva li ngħatat kienet ta’ bejn €2.8 biljun u €3 biljun. U allura se jerġgħu jsiru r-reviżjonijiet ladarba l-affarijiet inbidlu.”
Huwa tenna li r-responsabbiltà titlob, u hekk kif għandhom isir l-affarijiet, li l-ewwel isir ix-xogħol tekniku kollu sakemm jaslu għall-istimi li hemm bżonn. “Irid isir dak kollu sabiex il-Parlament, imma aktar u aktar il-kontribwenti tat-taxxi f’dan il-pajjiż, jifhmu dan l-investiment xi jfisser.”
Il-Ministru Caruana temm jgħid: “Allaħares f’dan il-pajjiż wasalna fl-estremità li fuq proġett daqstant kbir ma jintefqux il-flus u jittieħed il-ħin li hemm bżonn. Nagħmlu l-affarijiet kif suppost imbagħad in-numri jiggwidawna.”

