Tuesday, December 24, 2024

F1: Max Verstappen jirbaħ fil-Bahrain

Aqra wkoll

Is-sewwieq Olandiż champion renjanti tal-Formula Wieħed, Max Verstappen (Red Bull), kompla fejn ħalla l-istaġun li għadda meta rebaħ il-Grand Prix tal-Bahrain biex issiġilla l-awtoritá tiegħu fit-tiġrija tal-ftuħ ta’ dan l-istaġun. 

Wara li rebaħ it-tieni kampjonat tad-dinja konsekuttiv tiegħu f’Ottubru 2022 meta kien għad fadal erba’ tiġrijiet għat-tmiem, Verstappen huwa diġá l-favorit li jkaxkar it-tielet wieħed infila. 

Fil-Bahrain huwa rebaħ b’mod enfatiku hekk kif irreġistra ħin ta’ 1:33:56.736 … 11.987 sekondi inqas mill-kollega tiegħu, il-Messikan Sergio Perez li prattikament kellu prestazzjoni mill-aqwa. 

Dan kien ifisser li kienet lejla perfetta għar-Red Bull meta ħadu l-punti massimi ta’ din it-tiġrija. 

Min-naħa tal-Ispanjol, Fernando Alonso,  li għandu 41 sena, spiċċa fit-tielet post għal Aston Martin biex kiseb id-99 podju tal-karriera tiegħu.

Is-sewwieq minn Monaco, Charles Leclerc (Ferrari) kien fit-tielet post għal perjodu twil sakemm 16-il dawra mit-tmiem kellu problema mekkanika biex kellu jirtira mit-tiġrija. 

Il-Mercedes komplew jiddiżappuntaw hekk kif iż-żewġ sewwieqa Britanniċi, Le­wis Hamilton u George Russell, temmew fil-ħames u fis-seba’ postijiet rispettivament. 

Ekonomija

Sport