Is-sewwieq Awstraljan, Oscar Piastri, rebaħ il-Grand Prix tal-Azerbaijan fiċ-ċirkwit ta’ Baku biex filwaqt li dan kien l-ewwel suċċess tal-karriera tiegħu, kienet ukoll l-ewwel rebħa għall-McLaren f’dan il-pajjiż.
Piastri ippreżenta wirja mill-aqwa fejn qabeż lis-sewwieq minn Monaco, Charles Leclerc (Ferrari) li beda mill-pole position, u qatt ma ħares lura biex eventwalment spiċċa fl-ewwel post f’ħin ta’ 1:32:58.007.
Huwa saq bħala veteran meta wieħed iqis li ilu f’dan il-livell ta’ dan l-isport mis-sena l-oħra u għaldaqstant qed jitqies li fil-futur jista’ jiddomina dan l-isport.
Min-naħa ta’ Leclerc, ma rnexxielux jirbaħ dan il-Grand Prix li għar-raba’ darba konsekuttiva huwa beda mill-ewwel pożizzoni u għaldaqstant kellu jikkuntenta bit-tieni post.
Fit-tielet post temm il-Brittaniku George Russell (Mercedes) wara ħabta kbira fl-aħħar dawra. Dan seħħ meta l-Ispanjol Carlos Sainz (Ferrari) u l-Messikan Sergio Perez (Red Bull) kienu qed jattakkaw lil Leclerc iżda spiċċaw fil-ħajt b’mod spettakolari … biex din it-tiġrija kellha tispiċċa bis-safety-car.
Klassifika (ta’ fuq): 313 – Max Verstappen; 254 – Lando Norris; 235 – Charles Leclerc; 222 – Oscar Piastri; 184 – Carlos Sainz; 166 – Lewis Hamilton; 143 – George Russell.