Saturday, December 21, 2024

F1: Valtteri Bottas jirbaħ il-Grand Prix tat-Turkija

Aqra wkoll

Is-sewwieq Finlandiż, Valtteri Bottas (Mercedes), rebaħ il-Grand Prix tat-Turkija meta żamm il-vantaġġ sal-aħħar mill-pole position. Huwa għamel dan f’ħin ta’ 1:31:04.102.

Iżda minkejja din ir-rebħa, kien il-kollega tiegħu, il-Britanniku Lewis Hamilton, li seraq ix-xena meta wara li beda mill-11-post wara li ngħata penalitá ta’ 10 postijiet waqt il-provi uffiċjali, huwa kellu wirja mpekkabbli li ġiet imxekkla mit-tekniċi tiegħu stess.

Sal-50 dawra (minn massimu ta’ 58) huwa tela’ fit-tielet post fejn kien aċċertat bi 15-il punt. Iżda huwa ġie ordnat biex jagħmel il-pit stop li sa dak il-ħin kien l-uniku sewwieq li m’għamilx dan.

Hekk kif kien fadal tmien dawriet għat-tmiem, Hamilton beda jitlob lit-tekniċi tiegħu biex jibqa’ fuq it-trakka. Iżda min­ħabba l-fatt li bdiet nieżla x-xita ma kienx hemm għażla oħra li jinbidlu t-tyres għax kien hemm il-biżgħa li seta’ ma jispiċċax it-tiġrija.

Iżda minkejja li Hamilton baqa’ jippersisti biex jirriskja l-aħħar tmien dawriet, kellu jobdi l-ordnijiet u jidħol fil-pit … biex imbagħad kellu jikkuntenta bil-ħames post fost ir-rabja tiegħu.

Fit-tieni post temm ir-rival dirett ta’ Ha­milton, l-Olandiż Max Verstappen (Red Bull), biex b’hekk qabeż fl-ewwel post b’262.5 punti … sitta aktar mill-Britanniku meta fadal sitt tiġrijiet għat-tmiem.

Fit-tielet post temm il-Messikan Sergio Perez (Red Bull) segwit mis-sewwieq ta’ Monaco, Charles Leclerc (Ferrari).

Il-klassifika ġenerali (ta’ fuq) hija: 262.5 – Max Verstappen; 256.5 – Lewis Hamilton; 177 – Valtteri Bottas; 145 – Lando Norris; 135 – Sergio Perez; 116.5 – Carlos Sainz Jr; 116 – Charles Leclerc; 95 – Daniel Riccardo.

Ekonomija

Sport